Natalino Bezzina, Chief Assistance Rescue Officer tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta ingħata ittra ta’ apprezzament, kappell u badge mill-Kummissarju tap-fire Department ta’ New York. Dan b’rabta mal-isforz tiegħu biex ta’ kull sena ifakkar il-vittmi tal-11 ta’ Settembru.
L-Ambaxxatur Somers Farkas qalet li “kien unur għalija li nippreżenta lil Natalino Bezzina, Chief Assistance Rescue Officer tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta b’ittra ta’ apprezzament mingħand il-Kummissarju tal-Fire Department ta’ New York (FDNY), Lillian Bonsignore, flimkien ma’ kappell, badge u pin tal-FDNY, bħala rikonoxximent tal-impenn ta’ 24 sena li s-Sur Bezzina wera biex jonora l-vittmi tal-11 ta’ Settembru.”
Hi kompliet tgħid li “kull sena, is-Sur Bezzina jorganizza l-attività “We Climb – So That We Never Forget” (Nitilgħu – Sabiex Qatt Ma Ninsew), li ssir fil-Barrakka Lift, f’Lascaris, b’ġieħ lill-pumpiera u lill-ewwel ħaddiema li tilfu ħajjithom f’dik il-għodwa mudlama u li qatt ma tintesa. Dan hu ġest qawwi ta’ tifkira u rispett, li jirrifletti r-rabta u l-apprezzament li hu u l-kollegi tiegħu għandhom lejn dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna u jwieġbu f’emerġenzi f’pajjiżna. Grazzi, Sur Bezzina, u Protezzjoni Ċivili ta’ Malta, għall-isforzi tagħkom bla heda biex iżżommu ħajja t-tifkira ta’ dawk li tilfu ħajjithom. L-aktar kuraġġużi ta’ New York huma grati, u jien ukoll”, temmet tgħid l-Ambaxxaturiċi.
