Malta tospita t-tieni workshop ta’ twessigħ ta’ FUTURE4PRIMA dwar il-futur tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja fir-riċerka u l-innovazzjoni

Aqra wkoll

Malta ospitat it-tieni workshop ta’ twessigħ ta’ FUTURE4PRIMA fid-19 u l-20 ta’ Novembru 2026 fis-Sala tal-Planetarium, Villa Bighi, il-Kalkara. Il-workshop ta’ jumejn laqqa’ flimkien rappreżentanti mill-pajjiżi parteċipanti ta’ PRIMA u pajjiżi sħab ġodda potenzjali biex jiddiskutu l-futur tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-workshop kien parti minn sensiela ta’ tliet attivitajiet fi ħdan il-Work Package 5 (WP5) tal-proġett FUTURE4PRIMA, immexxi minn Xjenza Malta, li hija responsabbli għal attivitajiet ta’ twessigħ u l-involviment ta’ pajjiżi parteċipanti ġodda potenzjali. L-ewwel workshop sar f’Sofia, il-Bulgarija, fl-2025, filwaqt li t-tielet wieħed huwa ppjanat li jsir it-Turkija fl-2027.

L-avveniment infetaħ uffiċjalment mill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Dr Clifton Grima, flimkien mal-Prof. Abdel Hamid El-Zoheiry, Ko-President tal-Bord tal-Fiduċjarji ta’ PRIMA, u l-Prof. Sanaa Zebakh, Direttur tal-Fondazzjoni PRIMA.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Clifton Grima saħaq fuq l-importanza li pajjiżi differenti jaħdmu flimkien biex, permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, jinstabu soluzzjonijiet konkreti għall-isfidi li jolqtu lir-reġjun tal-Mediterran.

“Il-Mediterran jgħaqqad pajjiżi li, minkejja r-realtajiet differenti tagħhom, jiffaċċjaw sfidi komuni. It-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ilma u tal-ikel, u s-sostenibbiltà huma kwistjonijiet li jeħtieġu rispons kollettiv. Huwa għalhekk li nemmnu bis-sħiħ li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, flimkien ma’ kollaborazzjoni internazzjonali aktar b’saħħitha, huwa essenzjali biex nibnu futur aktar sostenibbli u reżiljenti għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru sostna wkoll li l-fatt li Malta qed tospita dan il-workshop jikkonferma l-impenn ta’ pajjiżna li jkompli jsaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala ċentru ta’ kollaborazzjoni u innovazzjoni fil-Mediterran, filwaqt li joħloq aktar opportunitajiet għar-riċerkaturi u l-innovaturi Maltin biex jipparteċipaw fi proġetti internazzjonali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport