Il-pinnur li kien ġarrab ħsarat waqt il-maltempata Harry f’Jannar li għadda reġa’ tpoġġa f’postu fuq il-kampnar tan-naħa tan-Nofsinhar tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.
B’hekk ġie fi tmiemu b’suċċess proġett li fih ħadu sehem studenti tal-MCAST li qed jistudjaw l-iwweldjar u l-fabbrikazzjoni tal-metall, taħt is-superviżjoni tal-letturi tagħhom u b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Permezz ta’ xogħol ta’ wweldjar, fabbrikazzjoni tal-metall u tiswijiet strutturali, l-istudenti kellhom l-opportunità li jħaddmu l-ħiliet tagħhom fuq proġett reali u jagħtu sehemhom biex dan l-element importanti ta’ wieħed mill-aktar binjiet magħrufa ta’ Malta jerġa’ lura f’postu.
Prosit lill-istudenti, il-letturi u lil kull min ta sehmu biex dan il-proġett seta’ jitwettaq!
L-MCAST qal li dan hu eżempju sabiħ ta’ kif it-tagħlim prattiku jista’ jagħmel differenza lil hinn mill-klassi.
