L-Ewroparlamentari Malti Thomas Bajada, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, ilbieraħ ospita konferenza ta’ livell għoli fil-Parlament Ewropew dwar il-litteriżmu finanzjarju. Din il-konferenza kompliet tibni fuq inizjattiva li Bajada żviluppa flimkien mal-koordinatur tal-S&D, Jonás Fernández, u li għaliha nkisbu €2.5 miljun mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għall-2026. Il-konferenza laqqgħet flimkien lil dawk li jfasslu l-politika, edukaturi, rappreżentanti tal-konsumaturi u ambaxxaturi tal-litteriżmu finanzjarju minn madwar l-Ewropa.
Il-proġett pilota, Promoting Financial Literacy in the Union, se jesplora kif il-fondi Ewropej jistgħu jsostnu inizjattivi konkreti li jgħinu liċ-ċittadini jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar flushom. Il-proġett, li qed jiġi implimentat mill-Kummissjoni Ewropea, għandu l-għan li jagħmel l-edukazzjoni finanzjarja aktar aċċessibbli u jagħti lin-nies aktar kunfidenza fl-użu tas-servizzi finanzjarji u fl-opportunitajiet ta’ investiment.
“Sentejn ilu, jien u t-tim tiegħi staqsejna lilna nfusna kif nistgħu nagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tan-nies. Il-litteriżmu finanzjarju malajr sar waħda mill-prijoritajiet tagħna,” qal Bajada.
Fid-diskors tal-għeluq tiegħu, Bajada identifika tliet prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Litteriżmu Finanzjarju. Saħaq li l-edukazzjoni finanzjarja għandha tkun ħila bażika li titgħallem minn età bikrija u tkompli tiġi żviluppata tul il-ħajja, li jkun hemm fondi nazzjonali u Ewropej apposta, u li s-swieq finanzjarji jsiru aktar aċċessibbli, affordabbli u siguri.
Bajada enfasizza li n-negozjati dwar il-baġit Ewropew li jmiss joffru opportunità biex jinbena fuq dan il-proġett pilota u jiġi żgurat finanzjament fit-tul għall-edukazzjoni finanzjarja. Appella wkoll għal protezzjoni akbar tal-konsumaturi mill-frodi u għal opportunitajiet ta’ investiment għal min ikun għadu se jibda jinvesti, bi spejjeż baxxi, tariffi trasparenti u informazzjoni ċara dwar ir-riskji.
“In-nies għandu jkollhom l-opportunità li jibdew jinvestu b’ammonti żgħar, jifhmu x’inhuma l-ispejjeż u jkunu jafu x’protezzjoni għandhom,” qal Bajada. Huwa enfasizza li kulħadd, irrispettivament mill-età, id-dħul, il-livell edukattiv jew fejn jgħix, għandu jkollu aċċess għall-għarfien u l-għodod meħtieġa biex jieħu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati.
Filwaqt li għamel referenza għar-riċerka tiegħu f’Malta dwar l-Ekonomija tal-Benesseri, Bajada spjega kif is-sigurtà finanzjarja tinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ kuljum, mill-ħlas tal-kera u ta’ kontijiet mhux mistennija sat-tfaddil għall-futur tal-familja.
“Meta n-nies ikunu kapaċi jiżnu l-għażliet tagħhom u jiddeċiedu għalihom infushom, ikunu qed jiksbu xi ħaġa ferm akbar mill-flus. Ikunu qed jiksbu aktar kontroll fuq il-futur tagħhom,” temm jgħid Bajada.
Kemm il-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-Kummissarju Maria Luís Albuquerque, kif ukoll il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Younous Omarjee, irringrazzjaw lil Bajada għall-inizjattiva u l-impenn tiegħu favur it-tisħiħ tal-litteriżmu finanzjarju madwar l-Ewropa.
