Monday, May 13, 2024

IL-VJOLENZA… GĦALA?

Aqra wkoll

Tkun miexja fit-triq u jitfgħulek il-ġebel. Tkun kwieta fil-kenn ta’ darek, jidħlu jisirquk u jsawtuk. Tkun mara tad-dar u tisfa’ vittma ta’ vjolenza domestika. Tkun qiegħed issuq lejn ix-xogħol u trid tiffaċċja r-road rage. Tkun studenta, issir vittma ta’ bbuljar u titkaxkar mal-art minn xagħarek minn tfal oħra. Tikteb messaġġ online għall-għajnuna u jimluk bi kliem ta’ mibgħeda. Tmur Paceville biex tiddeverti u tispiċċa minxur b’daqtejn sew. Tkun omosesswali, tesprimi ruħek u ħajtek issir diffiċli.

Il-lista tkompli. Dawn huma kollha tipi differenti ta’ vjolenza. Kemm jekk hija fiżika, jew vjolenza psikoloġika jew tat-tip verbali. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin naraw rabja, rabja li twassal għal vjolenza. Hawn nistaqsu, għala l-vjolenza?

Hawn jibdew l-iskużi li l-istil ta’ ħajja li ngħixu huwa stressanti wisq; li t-traffiku huwa staġnat; li għandna ħafna separazzjonijiet fost il-ġenituri u t-tfal huma frustrati. Imbagħad induru fuq l-għoli tal-ħajja u għalhekk hemm is-serq. Li mara qalbitha lir-raġel jew tawlet ilsienha u għalhekk kien vjolenti; li omm ta’ erbat itfal ‘m’għandhiex tittallab online għax missha ħadet ħsieb’ u ‘għandha toħroġ taħdem’; u mara li libset qalziet ‘dejjaq wisq, huwa t-tort tagħha’ li ġiet stuprata. 

Wasalna f’punt li mhux biss l-umanità fina qiegħda tisfuma fl-arja, imma anke l-loġika u s-sens ta’ soċjetà ċivili. Nemmnu li wasal iż-żmien ta’ eżami tal-kuxjenza u bidla fl-attitudni. Li nieqfu qabel ngħidu kelma li tweġġa’ u li jekk hemm bżonn, norbtu jdejna wara daharna qabel, bħall-cowboys, nibdew infajru bl-idejn. 

Li jkollok żieda fil-każijiet ta’ stupri mhuwiex xenarju li jawgura tajjeb. Barra minnhekk mhuwiex aċċettabbli li persuna toqtol oħra fi triq mimlija bin-nies qisu għalih, xejn m’huwa xejn. Tliet femiċidji saru f’postijiet pubbliċi bi tnejn minnhom fid-dawl tax-xemx. Mhuwiex sew ukoll li ta’ bilfors ikollok il-bżonn tal-protezzjoni tal-Pulizija jew tal-Community Policing kważi kull ħin u f’kull lokalità biex tinżamm il-paċi pubblika. Mhiex sitwazzjoni ideali lanqas li, għal darb’oħra ta’ bilfors, ikollok issakkar il-bieb tad-dar qisek f’Alcatraz u tinstalla s-CCTV cameras biex forsi tkun tista’ tagħlaq għajn m’għajn.

Il-vjolenza ta’ kull tip u ta’ kull livell, jiġifieri anke waħda mininima, mhiex aċċettabbli. M’hemmx lok li nkomplu nippontaw subgħajna u nfarfru mir-responsabbiltà billi nitfgħu t-tort fuq l-Istat jew fuq is-sistema jew għax id-demografija ta’ Malta nbidlet u l-kulturi tħalltu. Il-ġudizzji ħżiena espressi u r-razziżmu, ukoll huma forma ta’ vjolenza. 

Il-vjolenza, m’hemmx postha la fil-familja, la fit-toroq, la fl-iskejjel u lanqas fis-soċjetà tagħna b’mod ġenerali. Prinċipju bażiku huwa “dak li ma tridx lil ħaddieħor jagħmel lilek, tagħmlux inti lil ħaddieħor”. Hawn żgur u hekk għandu jkun, il-vjolenza tieqaf.

Sport