Friday, November 15, 2024

“Il-volontarjat għandu sehem kbir fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna”

Il-Membru Parlamentari u l-Psikologa Katya De Giovanni

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-Deputata Laburista Katya De Giovanni qalet li l-volontarjat għandu sehem kbir fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna. F’dan ir-rigward, il-Gvern qed jalloka aktar minn €2 miljun. 

Hija semmiet ir-rwol edukattiv li ħafna każini tal-banda għandhom fosthom bit-tagħlim tal-mużika filwaqt li jrawmu liż-żgħażagħ u jżommu ħaj l-imħabba fil-lokalità bi tradizzjonijiet u anke l-kultura li din iġġib magħha. 

“Ma ninsewx ukoll li meta nħossuna parti minn xi għaqda inħossu li għandna tifsira mill-ħajja u sens ta’ appartenenza u identità. Dan kollu jsir mill-għaqdiet li nsibu fl-lokalitajiet tagħna li l-Gvern qed jirrikonoxxi u jagħtihom sostenn,” qalet De Giovanni. 

Ma’ dawn l-għaqdiet hemm oħrajn li joffru servizz imprezzabbli anke fuq skala nazzjonali fosthom il-Fondazzjoni Richmond, li qed jaħdmu qatigħ biex matul is-snin anke jdaħħlu sistema ta’ servizzi li f’Malta qatt ma konna noħolmu bihom qabel. 

De Giovanni qalet li rridu wkoll nirrikonoxxu l-irwol importanti tal-NGOs f’pajjiżna li ħafna drabi għollew l-istandards fejn jidħol is-servizz. Dan il-Gvern qed jagħti kreditu ta’ taxxa għal massimu ta’ €500 lil dawk l-azjendi li jgħinu lill-NGOs fl-oqsma soċjali, ambjentali u dawk li jaħdmu b’risq l-annimali.

Semmiet ukoll il-ftuħ ta’ one stop shop ieħor fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, li huwa kruċjali biex l-għaqdiet volontarji jkollhom gwida dwar kif jistgħu japplikaw għall-fondi sabiex itejbu s-servizz jew inkella jagħmlu xogħlijiet fuq il-binja tagħhom.

Id-Deputata Laburista kompliet tgħid li  l-Gvern għaraf li kull wieħed u waħda minna għandu potenzjal u kif ukoll x’joffri. “Noffru politika li hija bbażata fuq il-kapaċità u l-kwalità ta’ kull persuna f’pajjiżna. Politika pożittiva li taħseb biex issostni dan il-potenzjal u twassal lil kulħadd sal-quċċata nett li jista’ jilħaq.”

Hija saħqet li spiċċa ż-żmien tal-isterjotipi fejn inpoġġu lil kulħadd fl-istess keffa għax ibati min xi kundizzjoni u spiċċa ż-żmien illi għax inti tilħaq ċertu età u tissejjaħ anzjna allura narawk awtomatikament bħala marid jew mhux kapaċi.

“Mentalita bħal din trid bidla mhux min-naħa tal-Gvern biss imma min-naħa tagħna kollha bħala soċjetà. Dan isir mill-mod ta’ kif nitkellmu, kif niktbu u l-mod ta’ kif inpinġu ċertu sitwazzjoonijiet u kundizzjonijiet,” qalet De Giovanni.

Ekonomija

Sport