Tuesday, December 24, 2024

“Il-vot għandu jmur għall-PL li f’dawn l-aħħar snin wettaq riformi kbar”

Aqra wkoll

Dr Michael Farrugia ilu involut fil-politika għal dawn l-aħħar 30 sena. Kien Ministru tas-Saħħa bejn l-1996 u l-1998 filwaqt li meta l-Partit Laburista reġa’ tela’ fil-Gvern fl-2013 ġie fdat bil-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, kariga li dam fiha sal-2017 meta ġie xolt il-parlament. 

Hekk kif il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ta’ ħames snin ilu, din id-darba laħaq bħala Ministru tas-Sigurtà Soċjali sabiex sentejn ilu bidel ir-rwol tiegħu u mar fil-Ministeru għall-Anzjanità Attiva. Fil-karriera politika tiegħu ħadem ma’ tliet Prim Ministri differenti jiġifieri Alfred Sant, Joseph Muscat u issa Robert Abela. Iggradwa bħala tabib 40 sena ilu u jqis ruħu bħala persuna pożittiva u mimlija esperjenza mhux biss fil-qasam mediku iżda anke fil-kamp politiku. Fl-istess waqt iqis ruħu wkoll li jekk ikollu viżjoni jew ambizzjoni biex jagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor aħjar, jagħmel li jista’ sabiex dak li għandu f’moħħu jsir realtà.

Farrugia jgħid li ġej minn familja ferm umli u li kienet tgħix ġo dar modesta u li kienet nieqsa minn ċerti ħtiġijiet. Dan kollu tah motivazzjoni li meta jikber ikun il-bniedem li jidħol fil-politika u jara kif jista’ jagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor aħjar. 

“Kelli ambizzjoni kbira li ma narax ċerti familji jgħixu fi djar msejħa sub-standard anzi nara kif nista’ ntejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Meta ġejt biex nagħżel il-partit, kienet xi ħaġa naturali li mort għall-prinċipji soċjalisti għax dawn jidentifikaw il-filosofija tiegħi li nkun viċin in-nies. Meta int tinvesti fin-nies, awtomatikament ħa tara aktar titjib fil-ħajja tagħhom u s-sodisfazzjon tiegħi hu meta nara kif nista’ nagħmilhom aktar kuntenti.”

Michael Farrugia ilu jimmilita mal-Partit Laburista għal aktar minn tletin sena u bħala politikant veteran ċertament li ra lil Malta tinbidel f’dawn l-aħħar snin. Hu jgħid li ra tibdil għall-aħjar minkejja li bħal kull ħaġ’oħra kien hemm it-tlugħ u l-inżul fil-pajjiż. 

“Ċertament li l-bidla l-kbira saret wara li l-Partit Laburista tela’ fil-gvern fis-sena 2013. Hemmhekk bdew numru ta’ riformi li wasslu sabiex pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem. Wara li daħlet il-liġi tad-divorzju f’pajjiżna, segwew aktar liġijiet fosthom id-drittijiet ċivili, il-liġi tal-IVF (li din issaħħet minħabba li l-Partit Nazzjonalista kien traskuraha mhux ħażin) u anke fil-qasam infrastrutturali għamilna passi ta’ ġgant. Dan il-moviment irnexxielu jbiddel lil Malta għal aħjar b’riformi li saru u li taw dinjita’ lil diversi persuni. Dan kollu seħħ għax aħna gvern tan-nies u li dejjem inħarsu li naraw liċ-ċittadini Maltin kuntenti b’ħajjithom.”

Farrugia jgħid li llum il-ġurnata Malta hi kkunsidrata bħala wieħed mill-iktar pajjiżi moderni fejn għandu x’jaqsam riformi. Barra minn hekk pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha u dan jgħin sabiex il-gvern ikompli jinvesti f’aktar ġid. 

Minkejja kollox, Farrugia jsostni li għad baqa’ xi jsir għax il-ħidma ma taqta’ qatt. Huwa għalhekk li l-Partit Laburista se jkun qed joħroġ il-programm elettorali tiegħu li jaħseb sabiex in-nies jingħataw aktar inċentivi. Hu sostna li minkejja kollox id-dinja ma tantx tinsab f’pożizzjoni sabiħa fejn wara l-pandemija tal-COVID-19 li feġġet sentejn ilu, issa kelli tinqala’ l-gwerra tal-Ukrajna. Dan kollu jista’ jwassal għall-għoli ta’ xi prezzijiet speċjalment tal-gass u ż-żejt għalkemm l-għan tal-gvern hu li jżomm dawn l-istess prezzijiet jibqgħu stabbli għall-poplu Malti u Għawdxi.

Saqsejna lil Michael Farrugia x’kienet l-iktar kisba li jħoss li għamel kemm ilu fil-politika.

“Wieħed mill-kisbiet kollettivi kien dak li bdejna nnaqqsu l-faqar materjali. Bħala Ministru tal-familja u s-solidarjeta’ soċjali rajt li jkun hemm riforma fil-pensjonijiet kull sena sabiex dawn dejjem jaraw żieda fl-ammont ta’ flus fil-but.”

“Ħsibna anke f’dawk in-nisa li jwelldu u għamlu xi żmien ma jaħdmux minħabba li jridu jieħdu ħsieb ta’ uliedhom. Hawnhekk il-gvern tahom diversi credits fejn saħansitra jħallas il-bolla għall-perjodu kemm ikunu damu d-dar.”

“Ma nistgħux ninsew lill-istudenti tagħna li qed jistudjaw u li ħsibna sabiex nibqgħu nsaħħulhom l-istipendji tagħhom filwaqt li anke naħsbulhom għall-pensjoni tagħhom permezz ta’ sensiela ta’ inizjattivi. Għalkemm din hi xi ħaġa fil-bogħod, madankollu xorta qed naraw li ż-żgħażagħ tagħna jibdew jaħsbu fil-futur.”

“Dan hu gvern li jaħseb f’kulħadd u komplejna anke nsaħħu l-inizjattivi u l-inċentivi għal diversi oqsma fis-soċjeta’ fosthom anke għall-persuni b’diżabbilta’.”

Michael Farrugia saħaq li hu importanti jekk mhux kruċjali li aktar familji joħorġu mir-riskju ta’ faqar u l-gvern qed jagħmel minn kollox sabiex dan kollu jseħħ.

Sadanittant bħalissa Farrugia għaddej biż-żjarat fid-djar tal-familji bħala parti mill-kampanja elettorali tiegħu. Mistoqsi dwar x’inhuma l-isfidi li qed isemmu n-nies f’dawn iż-żjarat li qed jagħmel, hu semma’ l-għoli tal-ħajja li f’dawn l-aħħar xhur qed jidher dejjem aktar minħabba ż-żieda f’diversi prodotti minn barra.

“Huwa hawnhekk li l-gvern qed jintervjeni biex jara kif jista’ jgħin mill-aħjar li jista’. Fosthom hemm l-inizjattiva tant importanti li jingħata ċekk ta’ għajnuna lill-familji Maltin u Għawdxin li sa ċertu punt itaffi xi ftit mill-isfidi finanzjarji li qed jaffaċċjaw. Il-gvern mhux se jibqa’ lura li jkompli jagħti l-għajnuna meħtieġa anke għax għandu għal qalbu l-ħajja tan-nies.”

Iżda x’timbru jixtieq iħalli Michael Farrugia ġaladarba jerġa’ jingħata l-fiduċja min-nies u eventwalment jitla’ fil-parlament?

“Bħalma ili ngħid, il-kwalità tal-ħajja tan-nies hi prijorità assoluta u għalhekk li qed inkomplu nagħmlu diversi proġetti ferm importanti li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”

Michael Farrugia semma’ wkoll il-proġett ta’ San Vinċenz de Paule li f’dawn l-aħħar snin inbidel sabiex l-anzjani jkollhom post modern u residenza ta’ eċċellenza. Il-pjan issa hu li jinfetaħ saħansitra laboratorju sabiex ċerti testijiet isiru hemmhekk ukoll. 

Mistoqsi dwar kemm il-valuri Soċjalisti għadhom validi sal-lum il-ġurnata, Farrugia wieġeb li kollox għadu rilevanti minħabba li dan il-moviment għandu viżjoni sabiex mhux biss iċ-ċittadini iżda wkoll il-ħaddiema jiżviluppaw dejjem aktar il-karriera tagħhom. 

Ir-riformi li l-Partit Laburista ħoloq f’dawn l-aħħar snin komplew jagħmlu dan il-partit aktar rilevanti u l-viżjoni tiegħu għall-futur turi li verament jista’ jkun il-partit tan-nies. Dan kollu hu possibbli għax dan il-moviment dejjem baqa’ saqajh mal-art, ma kibritlux rasu u jkompli jisma’ liċ-ċittadin. 

Finalment Michael Farrugia kellu messaġġ għall-elettorat Malti li se jkun qed jivvota fis-26 ta’ Marzu li ġej.

“Importanti li kulħadd joħroġ jivvota. Smajt nies li kienu qed itellgħu u jniżżlu jivvutawx jew le. Jien ngħid li l-vot hu d-dritt ta’ kull ċittadin f’pajjiż demokratiku u għalhekk hu kruċjali li neżerċitawh bl-aqwa mod possibli.”

“Il-vot għandu jmur għall-Partit Laburista li f’dawn l-aħħar snin wettaq riformi kbar li għamlu l-ħajja tan-nies aħjar anke għax għandu viżjoni xi jwettaq.”

Ekonomija

Sport