Sunday, December 22, 2024

“Il-vuċi ta’ Manwel Dimech ma tixjieħ qatt”

Il-Ministru Owen Bonnici jisħaq li dan il-patrijott qatt ma kellu jmut f’kamp ta’ konċentrament 5,000 mil bogħod minn art twelidu

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ilbieraħ kien il-102 anniversarju mill-mewt ta’ Manwel Dimech, il-patrijott revoluzzjonarju soċjalist Malti li ħadem qatigħ għal-lingwa Maltija u l-emanċipazzjoni tal-poplu fejn tidħol l-edukazzjoni. Dan b’mod partikolari kien jisħaq li ebda bniedem m’għandu qatt jiġi miċħud, bl-ebda mod, mill-possibbiltà li jkun sid ta’ ħajtu.

Talk.mt ħa kumment mingħand il-Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici, fejn qalilna li l-vuċi ta’ Manwel Dimech ma tixjieħ qatt għax leħnu għadu jidwi tant li se jkompl jħeġġeġ u se jkompli jispira lill-Maltin tal-ġejjieni – lil dawk kollha ta’ rieda tajba.

“Dan huwa l-kobor ta’ Dimech. Leħnu m’hu se jintesa qatt. Leħen li qatt ma xjaħ,” sostna l-Ministru Bonnici. Huwa qalilna li Manwel Dimech miet eżiljat ġewwa l-Eġittu ftit aktar minn 100 sena ilu għax għażel li jaħdem favur il-ġid ta’ pajjiżu u niesu. Spjega li l-ħidma ta’ dan il-persunaġġ storiku kienet xprunata b’direzzjoni li jeħles, permezz ta’ edukazzjoni u drittijiet ugwali, lill-poplu Malti li kien miżmum fil-faqar u fir-ripressjoni.

Il-Ministru Bonnici jemmen li Dimech qatt ma kellu jmut f’kamp ta’ konċentrament, “aħseb u ara 5,000 mil ‘il bogħod minn art twelidu”. Saħaq li Manwel Dimech se jibqa’ mfakkar għat-twemmin tiegħu u r-rieda soda li kellu li kkontribwixxiet għall-ħelsien u d-dinjità tal-poplu tiegħu.

Il-Ministru Bonnici fl-okkażjoni tal-anniversarju mill-mewt ta’ Dimech staqsa kif kienet tkun Malta llum kiieku “dan il-ġgant riformista” ma twelidx u spjega kif il-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-ħaddiem u għall-ġustizzja soċjali, ikomplu jservu ta’ ispirazzjoni għalina llum u jkomplu jħallu impatt fuq is-soċjetà tagħna.

“Dimech u l-kontribut tiegħu għandu jibqa’ mfakkar għax kien huwa l-prekursur li ħadem għall-iżviilupp soċjali u politiku ta’ Malta,” temm il-Ministru Owen Bonnici.
Sadanittant tajjeb li nsemmu li l-Knisja qatt ma talbet apoloġija għall-persekuzzjoni sħiħa li sofra Manwel Dimech. F’dik ikkonsidrata bħala persekuzzjoni sistematika kontrih, wara ħafna riċerka, il-fatti huma magħrufa u l-mezzi li ntużaw kontrih u familtu kien żbaljati għall-aħħar.

Ekonomija

Sport