Sunday, April 14, 2024

Titħabbar il-mewt tal-leġġendarju Sammy Nicholl

Aqra wkoll

Il-football Malti jinsab f’luttu hekk kif tħabbret il-mewt tal-player leġġendarju, Sammy Nicholl, fl-etá ta’ 88 sena. 

Huwa beda l-karriera tiegħu ma’ Żebbug Rangers fl-1950 fejn magħhom rebaħ il-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni. F’karriera ta’ 12-il sena bil-flokk tal-Wanderers huwa lagħab 138 fil-kampjonat u skorja 83 goals bid-debutt jasal fit-12 ta’ Ottubru 1952 fid-draw ta’ 0-0 kontra Birkirkara.

Fil-karriera tiegħu huwa rebaħ dak kollu li kien joffri l-football Malti fejn kien ukoll membru tal-iskwadra Slimiża li rebħet il-Quadruple Crown, fl-1955-56.

Huwa kien ukoll membru fit-team nazzjonali li lagħab l-ewwel partita – dik ta’ nhar l-24 ta’ Frar, 1957, fit-telfa ta’ 3-2 fil-partita ta’ ħbiberija kontra l-Awstrija. Fl-imsemmija partita huwa skorja t-tieni goal għat-team Malti wara li Tony Cauchi kien naqqas il-marġni tal-iskor għal 3-1. 

Fl-1966-67, huwa nħatar coach ta’ Qormi. 

Sammy huwa magħruf ukoll bħala ġurnalist u analista tal-football Malti fejn ħa sehem f’diversi programmi fuq il-mezzi tax-xandir kif ukoll kiteb f’ġurnali lokali sakemm fl-2000 iddeċieda li jieqaf għal kollox. 

Huwa kien wkoll in-neputi tal-mitiku Tony Nicholl … wieħed mill-aqwa players ta’ kull żmien li pproduċa l-football Malti. 

Ekonomija

Sport