Monday, April 29, 2024

Jinżamm arrestat wara li nstab fil-pussess ta’ 40 qartas droga

Aqra wkoll

Raġel inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli b’akkużi dwar traffikar ta’ droga wara li nstab fil-pussess ta’ aktar minn 40 qartas bid-droga fi ġnien pubbliku fil-Marsa.

Uffiċjali tal-Pulizija li kienu qed jagħmlu patrol fil-Marsa kienu arrestawh fuq suspett li kellu d-droga fil-pussess tiegħu l-Ħadd li għadda. L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, spjegat fil-Qorti kif meta l-pulizija avviċinaw lir-raġel fi Triq Patri Feliċjan Bilocca, dan ħarab jiġri min fuq il-post, bil-pulizija ġrew warajh u ordnawlu biex jieqaf. Madankollu hu baqa’ jiġri sakemm inqabad u ġie arrestat ftit tal-mumenti wara.

Minn tfittxija li saret fuqu nstabu xejn inqas minn 40 qartas li aktar tard irriżulta li kien fihom droga sintetika u kannabis. Huwa nstab ukoll fil-pussess ta’ ammont ta’ flus kontanti. L-imputat qal lill-pulizija li kien qiegħed jippjana li juża l-flus biex bihom isiefer lejn l-Italja.

Huwa kien stqarr ukoll li ma kellu ebda dokumenti fil-pussess tiegħu, għajr għal ritratt u karta tal-identità Taljana. Qal ukoll li kien tilef il-passaport tiegħu u l-kartiera fejn kien iżomm id-dokumenti tiegħu.

Ir-raġel kien identifikat bħala Nuhu Mohammed ta’ 32 sena mill-Ghana. Meta tressaq fil-Qorti, huwa kien mixli li kien fil-pussess tal-kannabis u d-droga sintetika, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Huwa kien mixli wkoll li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija.

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

L-Avukat Alfred Abela deher għal Mohammed.

Sport