Thursday, December 26, 2024

“Il-Wage Supplement huwa għotja u mhux se jittieħed lura” – il-Prim Ministru f’laqgħa tal-MCESD

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’laqgħa tal-MCESD f’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li mhu minnu xejn li l-Gvern se jkun qed jitlob lura l-flus li ngħataw f’Wage Supplement, kif allega l-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Huwa tkellem dwar l-importanza tad-djalogu soċjali li wassal biex f’Marzu 2020, ftit wara li faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 f’pajjiżna, kien intlaħaq ftehim storiku dwar il-Wage Supplement. 

“Dakinhar il-ftehim ta’ bejnietna kien wieħed ċar kristall li l-Wage Supplement kienet għotja. Dak il-ftehim ġie onorat mill-Gvern, se jibqa’ jiġi onorrat u għaldaqastant nirribatti b’mod sod dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni li pprova jkisser il-ftehim ta’ bejnietna u qed jgħid li dik mhix għotja imma ħlas li l-employer se jkollu jirrifondi lill-Gvern.”

“Dan mhu veru xejn. Il-Wage Supplement huwa għotja u mhu se jkun hemm l-ebda forma ta’ talba ta’ rifużjoni mingħand il-Gvern,” qal il-Prim Ministru.

Sadanittant, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-gwerra fl-Ukrajna u r-riperkussjonijiet li din qiegħda tħalli anke f’pajjiżna. “Ridna nieħdu u ħadna deċiżjoni li aħna kontra l-gwerra u li aħna pajjiż li jimmilita favur il-paċi,” qal Dr Abela li fakkar li dan kien ukoll messaġġ konsistenti li għadda fl-aħħar żewġ laqgħat li kellu flimkien mal-mexxejja kollha tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea. 

Fl-aħħar laqgħa li nżammet fi Franza kien hemm ukoll dikjarazzjoni speċifika li fiha bħala Kunsill Ewropew ikkundannaw il-gwerra u l-attakk mhux provokat fuq it-territorju u l-poplu Ukren.

Il-Prim Ministru tenna li bħala pajjiż rridu nieħdu kull pass meħtieġ biex nieħdu ħsieb lin-negozji u l-ħaddiema tagħhom. “Dak li għamilna fil-pandemija mhux se nissugrawh issa.” 

Huwa enfasizza wkoll l-impenn ta’ Gvern Laburista li jżomm is-sitwazzjoni tal-prezzijiet stabbli f’dak li għandu x’jaqsam mas-settur tal-enerġija, it-trasport u l-importazzjoni taċ-ċereali. 

Semma l-għajnuna li se tingħata lill-bdiewa u r-raħħala li tlaħħaq l-€4.5 miljun biex tgħin u tagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-ġwież. Qal li mhux eskluż li tingħata aktar għajnuna lil dan is-settur jekk ikun hemm bżonn.

“Fil-fatt bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi u l-Ministeru responsabbli għas-settur tal-Agrikolutura biex ngħinu lill-importaturi f’dan is-settur jiżgura provvista ta’ qamħ għal sitt xhur,” spjega l-Prim Ministru. 

Huwa qal ukoll li f’pajjiżna hawn 1,100 ċittadin Ukren u sa issa Malta rċeviet 31 applikazzjoni għall-ażil. Barra minn hekk, huwa qal li l-MITA qiegħda tikkordina biex pajjiżna jkun protett minn cyber attacks.

Dwar l-avjazzjoni, il-Prim Ministru qal li ajruplan reġistrat f’Malta jinsab maqbud fl-Ukrajna. Hemm ukoll impatt billi s-sanzjonijiet qed iwasslu biex Russi ma jkunux jistgħu jagħmlu charter anke b’private jets.

Huwa semma wkoll li r-Reġistru Malti għan-Negozji (MBR) għamlet eżerċizzju li permezz tiegħu ġew identifikati l-kumpaniji li għandhom xi rabta mar-Russja. Qal li jidher li hemm żewġ assi mobbli ta’ kumpaniji reġistrati f’Malta li se jinqabdu fis-sanzjonijiet.

“Għaddejja operazzjoni sħiħa ma’ pajjiż ieħor, li huwa stat membru fl-UE, biex dawn l-assi jiġu ffriżati l-assi mill-aktar fis anke peress li ma jinsabux f’pajjiżna,” qal il-Prim Ministru.

Ritratti: Alan Saliba

Ekonomija

Sport