Monday, June 30, 2025

Il-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Iran

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta li għadda, ġie mħabbar il-waqfien mill-glied tal-gwerra ta’ bejn Iżrael u l-Iran, gwerra li issa ngħatat l-isem tal-‘Gwerra tat-12-il Jum’ mill-midja internazzjonali. Dan il-waqfien mill-ġlied jidher li s’issa nżamm għajr għal xi żgarratura fl-ewwel sigħat wara li ġie mħabbar.

Verżjonijiet differenti u kontradizzjonijiet

It-tliet pajjiżi involuti f’din il-gwerra kollha taw jew qegħdin jagħtu verżjonijiet differenti fuq l-eżitu ta’ din il-gwerra. Mhux talli hekk, talli kemm ġewwa l-Istati Uniti kif ukoll ġewwa l-Iran, kien hemm ukoll kummenti konflinġenti fuq kif marru l-affarijiet f’dawk it-12-il jum ta’ attakki fuq l-Iran kif ukoll fuq Iżrael.

Trump kontra s-CNN u n-New York Times

Wara l-attakk fuq it-tliet kumplessi nukleari ewlenin Iranjani mill-bombers Amerikani, Donald Trump ħareġ jiftaħar li l-bombi GBU-57, l-aktar bombi b’saħħithom li mhumiex nukleari li jeżistu fid-dinja, irnexxielhom jippenetraw il-mijiet ta metri ta’ blat u konkrit li kienu jipproteġu l-installazzjonijiet nukleari Iranjani u “jfarrkuhom kompletament”. Tant kien konvint mis-success ta’ dan l-attakk li Trump saħansitra qabblu mal-attakki fuq Hiroshima u Nagasaki li kienu ġabu t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Biss ftit sigħat wara, rapporti li dehru fuq l-istazzjon televiżiv tas-CNN kif ukoll fuq in-New York Times, qalu li l-attakki Amerikani kienu għamlu biss danni superfiċjali fuq il-programm nukleari Iranjan. Dawn il-kummenti wasslu sabiex Trump għajjar lil dawn iż-żewġ entitajiet bħala ‘żibel’.

Khamenei u Araghchi

Wara jiem sħaħ mistoħbi, f’dawn l-aħħar sigħat reġa’ tfaċċa fuq il-midja l-Mexxej Suprem Iranjan, l-Ajjutallah Ali Khamenei. Dan qal li l-attakki Amerikani fuq l-installazzjonijiet nukleari ma kinux irnexxielhom jaffettwaw il-programm nukleari tal-Iran.

Biss, il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran, Abbas Araghchi kkontradixxa l-Mexxej Suprem tiegħu meta ammetta li l-attakki Amerikani kien għamlu ‘ħsara serja ħafna’ fuq is-siti nukleari ta’ pajjiżu.

Waqfien mill-ġlied fraġli

Filwaqt li kemm ġewwa l-Iżrael kif ukoll ġewwa l-Iran il-ħajja bdiet sejra għan-normal, ġewwa l-Iran qiegħed jiġi rrappurtat li l-awtoritajiet qegħdin jarrestaw u f’xi każi anke jiġġustizzjaw xi nies li kienu susspettati li huma membri jew ikkollaboraw mas-servizzi sigrieti Iżraeliti, l-Mossad. Skond il-midja internazzjonali, ġewwa l-Iran, dawn l-ispiji kienu strumentali sabiex l-Iżrael irnexxielu jelimina numru konsiderevoli ta’ xjentisti nukleari Iranjani kif ukoll esponenti importanti ħafna tal-Armata Iranjana. Teżisti l-biżgħa li dawn l-eżekuzzjonijiet jistgħu jwasslu għal xi reazzjoni mill-Iżrael.

Ta’ min jgħid l-attakki bil-missili Iranjani fuq l-ibliet Iżraeljani kienu ħallew biss vittmi ċivili fil-ftit każi li dawn il-missili rnexxielhom jippenetraw is-sistema ta’ difiża kontra l-missili li għandu I-Iżrael magħrufa bħala ‘l-Iron Dome’.

Filwaqt li għajnejn id-dinja kienu fuq l-Iran, komplew l-attakki fuq Gaża mill-qawwiet Iżraeliti, bin-numru ta’ vittmi civili jkompli jiżdied tista’ tgħid kuljum. Allura wieħed ma jistax ma jistaqsix kif Donald Trump irnexxielu, almenu skont huwa stess, li jwaqqaf il-gwerra ta’ bejn l-Iran u l-Iżrael, kif għadu ma kkonvinċiex li Benjamin Netanyahu, il-mexxej Iżraelit, sabiex iwaqqaf il-massakru li qiegħed iseħħ ġewwa Gaża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport