Saturday, December 21, 2024

Il-waqgħa ta’ Boris Johnson

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Wara jiem sħaħ ta’ battibekki kontinwi ma’ membri tal-kabinett u esponenti ewlenin tal-Partit Konservattiv, battibekki li wasslu għal numru kbir ta’ riżenji ministerjali, nhar il-Ħamis li għadda, Boris Johnson irriżenja minn mexxej tal-istess partit u qal ukoll li kien ftiehem mal-membri parlamentari tal-partit tiegħu sabiex jibda l-proċess għall-ħatra tas-suċċessur tiegħu bħala l-Prim Ministru tar-Renju Unit.

Din ir-riżenja waslet wara sensiela ma tispiċċa qatt ta’ skandli li kkaratterizzaw it-tmexxija ta’ Johnson li kien ilu ftit anqas minn tliet snin li ħa l-kariga ta’ Prim Ministru wara rebħa elettorali kbira li kien għamel il-Partit Konservattiv, rebħa li bħalha, dan il-partit, kien ilu ma jkollu sa minn żmien Margaret Thatcher. Minkejja l-aspettattivi ta’ tmexxija twila li kienet ġabet magħha rebħa ta’ dik id-dimensjoni, Johnson sejjer jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aktar Prim Ministri Ingliżi li kellu jwarrab malajr minn kariga hekk prestiġjuża li l-istess Johnson, fid-diskors li fih ħabbar ir-riżenja, iddeskrivieha bħala ‘l-aqwa kariga tad-dinja’.

Riedu jneħħuh akkost ta’ kollox

Wara ġimgħat sħaħ ta’ reżistenza, Boris Johnson kellu kontra qalbu jwarrab mill-ogħla kariga politika ġewwa r-Renju Unit. Dan ġara wara rewwixta kontrih minn membri parlamentari tal-partit tiegħu stess. Tant kienet b’saħħitha r-rieda tal-membri parlamentari Konservattivi li jneħħu akkost ta’ kollox lill-mexxej tagħhom, li sabiex żgur iġegħluh jirriżenja, irriżenjawlu xejn anqas minn sittin membru tal-gvern immexxi minnu, numru li jammonta għal aktar minn nofs il-membri tat-tim ta’ Boris Johnson.

Tant kien kbir id-dwejjaq ta’ dawn il-membri parlamentari bit-tmexxija ta’ Johnson li anke wara li ħabbar li kien qiegħed jirreżenja minn mexxej tal-partit, huma lanqas iriduh jibqa’ bħala Prim Ministru temporanju sakemm jinstab is-suċċessur tiegħu, kif hija l-prassi fil-politika Ingliża meta jkun hemm riżenja ta’ din ix-xorta.

Skandlu wara l-ieħor

It-tmexxija ta’ Johnson kienet ikkaratterizzata minn sensiela ta’ skandi li jvarjaw minn ksur tal-etika politika għall-ksur ta’ regoli parlamentari.

L-ewwel baraxx kbir ta’ kritika li laqqat Johnson fil-kariga ta’ Prim Ministru sar meta huwa injora u għawweġ kif jaqbillu r-regoli u l-proċeduri parlamentari u ddeċieda li jagħlaq il-parlament għal ħames ġimgħat sħaħ fl-agħar żmien tal-kriżi ta’ Brexit. Din id-deċiżjoni saħansitra kienet ġabet lir-Reġina f’inkwiet legali bħala l-firmatarja ta’ din id-deċiżjoni, wara li l-Qrati Ingliżi ddikjaraw din id-deċiżjoni bħala illegali.

Skandlu ieħor li ħakem lit-tmexxija ta’ Johnson kien meta l-Prim Ministru kien naqas milli jikkundanna lill-Ministru Priti Patel wara li din kienet instabet ħatja ta’ bullying fuq membri tal-istaff tagħha. 

Johnson spiċċa wkoll ikkritikat bl-aħrax wara li injora kompletament il-liġi li tirregola d-donazzjonijiet lill-partiti politiċi ġewwa r-Renju Unit. Dan wara li John kellu l-wiċċ li jitlob lil donatur magħruf tal-Partit Konservattiv sabiex iħallas xi xogħlijiet li saru fl-appartament li hemm qrib l-uffiċċju tal-Prim Ministru ġewwa Downing Street, xogħlijiet li kienu swew aktar minn mitejn elf sterlina. Dan wassal sabiex il-Partit Konservattiv jeħel multa mill-Kummissjoni Elettorali.

Mingħajr dubju ta’ xejn skandlu ieħor li kkollabora bil-kbir għar-rewwixta kontra Johnson kien dak li jirrigwarda numru ta’ festini li ġew organizzati ġewwa l-uffiċċju tal-Prim Ministru fi żmien il-Covid, żmien li fih dawn il-festini kienu illegali. Johnson kien weħel multa minħabba li kien attenda dawn il-festini sabiex b’hekk sar l-ewwel Prim Ministru fl-istorja, li nstab ħati ta’ offiza li seħħet ġewwa dan l-uffiċċju. Il-gravità ta’ dan l-iskandlu kienet aktar amplifikata minħabba li Johnson kien inqabad jigdeb rigward l-irwol li huwa kellu f’dawn il-festini kif ukoll minħabba li wieħed minn dawn il-festini kien sar meta r-Renju Unit suppost kien qiegħed fl-luttu minħabba l-mewt tal-Prinċep Fillipu, ir-raġel tar-Reġina Eliżabetta.

L-aħħar skandlu li eventwalment wassal sabiex ħafna mill-membri tal-gvern tilfu l-paċenzja fuq l-imġiba ta’ Johnson kien dak ta’ Chris Pincher li ngħata l-kariga ta’ deputat whip tal-Partit Konservattiv minn Johnson minkejja li kien involut f’numru ta’ skandli ta’ natura sesswali. Għall-ewwel, Boris Johnson qal li ma kienx jaf u wara, meta ġew ippubblikati xi dokumenti li juru li huwa kien irċieva xi emails fuq dan, Johnson qal li kien nesa. Minkejja li Pincher irriżenja mill-kariga, Johnson issa kien qabeż il-limiti kollha u bdew is-sensiela ta’ riżenji mill-kabinett li semmejna, bl-ewwel tnejn ikunu dawk tal-ministri Rishi Sunah u Dagid Javid.

Is-suċċessur

Il-proċess sabiex jinħatar il-mexxej il-ġdid fil-Partit Konservsattiv huwa wieħed pjuttost ikkumplikat. Dan il-proċess huwa mmexxi minn kumitat fi ħdan il-partit magħruf bħala l-1922 Committee.

Kull kandidat irid jiġi nnominat minn tal-anqas tmien membri parlamentari Konservattivi. Kemm il-darba jkun hemm aktar minn żewġ kandidati, jibda l-proċess magħruf bħala tar-rounds li fih jivvutaw biss il-membri parlamentari Konservattivi. Fl-ewwel round jiġu magħżula ghar-round li jmiss dawk il-kandidati li jkunu ġabu 18-il voti jew aktar. Fit-tieni round jiġu magħżula l-kandidati li jkunu ġabu 36 vot jew aktar. Fir-rounds l-oħra jiġi eleminat il-kandidat li jkun gab l-anqas voti u jibqghu sejrin hekk sakemm jibqa’ biss żewġ kandidati. Fl-aħħar nett, il-mexxej jiġi magħżul minn dawn iż-żewġ kandidati permezz ta’ votazzjoni mill-membri kollha tal-partit madwar ir-Renju Unit.

Bħalissa qegġdin jissemmew diversi esponenti ewlenin tal-Partit Konservattiv li jistgħu jieħdu post Johnson fit-tmun tal-partit. Fost dawn hemm l-eks ministri Jeremy Hunt, Sajid Javid, Rishi Sunak, kif ukoll xi ministri bħal Liz Truss, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Penny Mordaunt, il-Ministru tal-Kummerċ Internazzjonali u Ben Wallace, il-Ministru tad-Difiża.

Skond sontagg li sar fost il-membri tal-Partit Konservattiv jidher li l-ġlieda sejra tkun bejn Ben Wallace u Penny Mordaunt li jgawdu l-fiduċja ta’ madwar 12% tal-membri u Rishi Sunak li jidher li għandu madwar 10% tal-appoġġ.

Minkejja li r-rebħa kbira tal-Partit Konservattiv ta’ tliet snin ilu numerikament kienet tindika li Boris Johnson sejjer imexxi lir-Renju Unit għall-inqas żewġ legiżlaturi oħra, min ilu jsegwi l-karriera u l-ħajja ta’ Boris Johnson żgur mhuwiex sorpriż b’dak li ġara’. Kemm meta kien student, kemm meta kien ġurnalista u kemm meta kien s-sindku ta’ Londra, l-imġiba tiegħu żgur ma kinitx denja ta’ persuna li kellha tkun il-Prim Ministru tar-Renju Unit.

Ekonomija

Sport