Thursday, March 20, 2025

Il-waterpolo huwa sport iebes li jirrikjedi dedikazzjoni, reżiljenza u saħħa mentali – Matthew Bonello DuPuis

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

L-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo bdiet minn età żgħira. Kont inkun il-pixxina ta’ Sliema kuljum u dejjem kont mdawwar bil-baħar. Iddeċidejt li nibda nilgħab il-waterpolo meta kelli tnax-il sena. Irbaħt il-kampjonat tal-U/13s ma’ Sliema u minn dak inhar ‘il quddiem, nibtet l-imħabba tiegħi għal dan l-isport. Barra minn hekk, inħobb id-dedikazzjoni li dan l-isport jirrikjedi u kif iżommok b’saħħtek kemm mentalment kif ukoll fiżikament.

U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Għażilt li nilgħab bħala goalkeeper fil-waterpolo għax inħobb l-isfida u r-responsabbiltà li ġġib magħha din il-pożizzjoni. Li tkun goalkeeper huwa rwol uniku li jirrikjedi ħiliet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, u l-abbiltà li tibqa’ kalm taħt pressjoni.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim tiegħek, Sirens ASC, s’issa u dik b’self ma’ San Ġiljan ASC bħalissa.

Ilni mas-Sirens għal sitt snin u għenuni nikber bħala plejer u nsir il-persuna li jien illum. Is-Sirens tawni l-opportunità ukoll li għall-kampjonat tax-xitwa nilgħab ma’ San Ġiljan. Li tingħata dan iċ-ċans li tilgħab ma’ klabb daqshekk kbir f’Malta hija esperjenza mill-aqwa u responsabbiltà kbira. It-taħriġ ma’ plejers u kowċis ta’ livell għoli se jgħinni nitjieb bħala goalkeeper. Dan il-loan jagħtini l-opportunità li nuri li jien kapaċi nilgħab fl-ogħla livell tal-waterpolo Malti.

Wara s-sajf, se nkun qed nilgħab ukoll fl-ewwel diviżjoni ma’ Fordham Waterpolo fi New York. Din l-opportunità tippermettili nilgħab u nitħarreġ f’livell għoli filwaqt li nkompli l-istudji tiegħi, fejn se nikseb masters degree fil-finanzi.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo lokali fil-preżent?

Il-waterpolo f’Malta tjieb ħafna f’dawn l-aħħar snin, kemm fil-livell taż-żgħażagħ kif ukoll f’dak tal-kbar, li turi li l-isport qed jikber. Jien kont parti mit-tim nazzjonali tal- U/19 li spiċċa fl-ghaxar post fil-kampjonati Ewropej u lgħabna logħob mill-aqwa kontra l-Greċja u Spanja. Għalkemm tlifna id-distakk ma kienx kbir. Dawn ir-riżultati juru d-determinazzjoni tagħna u l-potenzjal li għandna biex niksbu aktar suċċessi u riżultati fil-futur.

U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?

Faċilitajiet tajbin huma kruċjali biex il-waterpolo f’Malta ikompli jikber. Il-Pixxina Nazzjonali, il-Pixxina tas-Sirens kif ukoll dik tal-Kottonera huma postijiet ewlenin għat-taħriġ u l-logħob, kemm għall-klabbs kif ukoll għat-tim Nazzjonali. Li jkollna aktar pixxini jfisser iktar ħin għat-taħriġ, skedi aħjar, u aktar opportunitajiet biex it-timijiet itejbu l-livell tagħhom. Il-Pixxina tal-Kottonera, billi hija pixxina fuq ġewwa, tippermettilna nitħarrġu s-sena kollha mingħajr problemi ta’ maltemp, u għalhekk hija partikolarment utli fix-xitwa.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo? Għad narawk bħala kowċ fil-futur?

Nittama li nkun qed nikkompeti f’kampjonati fis-snin li ġejjin u li nkun parti regolari mit-tim nazzjonali Malti. Nixtieq ukoll insir kowċ tal-goalkeepers fil-futur u ngħallem dak kollu li nkun tgħallimt tul is-snin.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Il-waterpolo huwa sport iebes li jirrikjedi dedikazzjoni, reżiljenza u saħħa mentali. Waħda mill-iktar lezzjonijiet importanti li tgħallimt hija li qatt m’għandek taqta’ qalbek la mill-isport, la minnek innifsek, u lanqas minn dak li temmen fih. Il-waterpolo sawwar il-mentalità tiegħi, għallimni nibqa’ b’saħħti quddiem id-diffikultajiet u dejjem nemmen fil-kapaċitajiet tiegħi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport