Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Meta kont żgħir minn dejjem kont immur il-Pixxina u nsegwi l-logħob ta’ San Ġiljan u minn hemm ġietni l-ħajra biex nibda l-isport.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim ta’ Marsaskala ASC.
Marsaskala ASC huwa tim li ilni parti minnu dawn l-aħħar sentejn. Huwa tim li jibbaża fuq l- iżvilupp ta’ plejers żgħar u tul dawn is-sentejn li ilni magħhom għamilt kambjament kbir fl-isport. Il-kumitat ukoll ħadmu id f’id mal-kowċ Arpad Babay biex jipprojiritizzaw l-iżvilupp tal- plejers biex fil-futur inkunu nistgħu ngħinu lill-klabb jikseb ir-riżultati fil-kampjonati.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul il-Kampjonat tas-Sajf?
Minkejja l-etá żgħira tat-tim u l-plejers ġodda li ngħaqdu magħna fil-bidu tas-sajf, bħala Marsaskala rnexxielna niksbu t-tielet post fil-Kampjonat, xi ħaġa li ma kinitx mistennija minna. Parti kbira minn dan kienet bl-għajnuna tal-kowċ Arpad Babay li tul il-Kampjonat tas-Sajf kien dejjem hemm għalina kif ukoll îl-plejer barrani tagħna Gergo Kovacs li fih sibna ħabib kbir kif ukoll uriena kif nilagħbu bħala tim magħqud u dixxiplinat.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ San Ġiljan ASC u kemm tgħallimt minnha.
L-esperienza mat-tim ta’ San Ġiljan li huwa meqjus bħala l-aqwa tim f’Malta kienet unika ħafna. Il-kowċis ta’ livelli għoljin u b’esperjenza fl-isport għenuni niżviluppa u nitgħallem sabiex insir il-plejer li jien illum. Ir-rwol tiegħi fin-Nursery ta’ San Ġiljan kienet esperjenza li għallmitni l-importanza ta’ ħidma ġo tim.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Il-livell tal-waterpolo f’Malta tul dawn l-aħħar ħames snin tjieb immens. Dan tista’ tarah fir- riżultati li niksbu bħala livell internazzjonali fejn niksbu riżultati tajbin kontra pajjiżi ferm ikbar minnha. Il-waterpolo lokali wkoll juri l-livell għoli ta’ dan l-isport f’pajjiżna bil-fatt li l-aqwa plejers fid-dinja jagħżlu biex jiġu jikkompetu fil-Kampjonat tas-Sajf tagħna.
U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
F’Malta diversi pixxini qegħdin jinbnew biex jissejħu iżjed tsessjonijiet ta’ taħriġ għal kull tim b’ ħinijiet aħjar għall-plejers. Il-pixxina li jintlagħbu l-logħob fiha hija waħda li ntlagħbu ħafna logħob internazzjonali fiha … din turi kemm il-pixxina hija ta’ livelli għolja kkomparata anke ma’ dawk li nsibu barra minn xtutna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Fil-karriera tiegħi tal-waterpolo, nixtieq li nibqa’ nilgħab l-isport li nħobb u nirbaħ l-unuri mat-tim li nkun nilgħab miegħu. L-isport jgħinek żżomm saħħtek tajba u jgħinek ukoll tibni relazzjonijiet ma’ plejers oħra.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Il-waterpolo huwa sport li fih trid tagħti l-100% tiegħek tul is-sena kollha, u trid takkomoda ħajtek għalih, għax huwa sport li mentalment u fiżikament huwa stressanti ħafna.