Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Minn etá żgħira kelli passjoni lejn l-għawm u għalhekk, naturalment, il-waterpolo kien sport ideali għalija. Jien ħadd minn familti ma kien jilgħab il-waterpolo, peró, missieri kien jemmen fl-importanza li tilgħab sport, biex trabbi dixxiplina u saħħa mentali. Avolja dak iż-żmien il-waterpolo kien biss delizzju għalija, illum il-ġurnata ma ngħix mingħajru.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Valletta United Waterpolo Club.
It-tim tal-Belt huwa produzzjoni ta’ ambizzjonijiet kbar. Jien ilni mal-Belt minn qabel is sajf li għadda u s’issa kelli esperjenza pożittiva ħafna ma’ dan it-tim. Il-Belt huwa tim li jemmen ħafna, tim li kull sena jagħmel qabżiet kbar u huwa tim li jinżel biex jirbaħ kull logħba. Il-valuri ta’ dan it-tim jaqblu ma’ tiegħi u għalhekk inħossni qiegħed fil-post it-tajjeb.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-kampjonat tas-sajf li ġej?
Jien persuna li nħobb nimxi logħba, logħba u għalhekk ma nħobbx naħseb fil-futur imbiegħed. Li nista’ nghid hu li se nagħtu l-100% tagħna f’kull logħba u ħa nuru fil-pixxina r-riżultat tat-taħriġ li għamilna tull is-sena.
X’tikkummenta fuq il-kowċ u manager tat-tim, Joe Cremona?
Kif iddeskrivejt lit-tim tal-Belt, nista’ niddeskrivi lill-kowċ Joe Cremona minħabba li addottajna l-valuri tiegħu. Il-kowċ hu bniedem li jemmen ħafna fina l-plejers u qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna biex joħroġ il-potenzjal tagħna fil-pixxina.
Iddeskrivi l-livell tal-waterpolo lokali fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin.
Meta kont għadni żgħir, il-logħba kienet tibbaża iktar fuq is-saħħa fiżika, filwaqt li illum il-ġurnata, hija iktar ibbażata fuq l-għawm. B’hekk tista’ tgħid li il-logħba sarret iktar ‘high paced’.
X’tikkummenta fuq ir-riżorsi (pixxina) fejn tittrenjaw u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Tul is-snin, ir-riżorsi tal-pixxina nazzjonali tjiebu, minħabba l-investimenti li saru, kif ukoll illum il-ġurnata fetħu aktar pixxini madwar Malta, inkluż l-“indoor pool” fil-Kottonera. B’hekk dan għen bis-sħiħ biex jitnaqqas l-“overload” li kien hemm fil-pixxina nazzjonali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Fil-futur tiegħi, nixtieq li nibqa’ nikber mat-tim tal-Belt u nibqa’ ntejjeb lilli nnifsi ġurnata wara l-oħra bħala plejer.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Il-messaġġ finali tiegħi hu li ma jaqtgħu qalbhom qatt, irrelevanti x’jaħsbu n-nies fuqhom u jżommu dejjem saqajhom mal-art!