“L-emendi li ressaqna għandhom il-ħsieb biss li jkomplu jsaħħu dak li għandna bħalissa biex tiżdied it-trasparenza u l-governanza tajba, biex ikun hemm partiċipazzjoni akbar tal-pubbliku u jkun hemm aċċess akbar għall-ġustizzja”. Iddikjarat dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli fid-diskors tal-għeluq waqt id-diskussjoni dwar l-emendi tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent.
Il-Ministru Dalli kompliet tgħid li l-ħsieb ta’ dawn l-emendi diskussi f’dan id-dibattitu parlamentari huwa li jissaħħu l-liġijiet ambjentali f’pajjiżna biex mhux biss tingħata protezzjoni akbar lill-ambjent imma tiddaħħal ukoll aktar trasparenza.
Sostniet li dawn l-emendi jitrattaw azzjonijiet konkreti li jsaħħu l-kontabbilità, l-effiċjenza u infurzar aktar effettiv, f’Awtorita li twieldet seba’ snina ilu u li sena wara l-oħra Gvern Laburista sħħaħ bir-riżorsi biex tilħaq l-għanijiet tagħha.
Fakkret li kien ukoll Gvern Laburista li fl-2018 daħħal il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent u r-riżorsi bħala Prinċipju ta’ l-Istat fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, il-liġi suprema ta’ pajjiżna.
Il-Ministru kompliet biex tgħid li L-ERA diġà tħaddem proċess miftuħ għall-pubbliku, inkluż l-għaqdiet ambjentali imma l-ħsieb huwa li dan jissaħħaħ. Fakkret li meta l-ERA bdiet tiffunzjona fl-2016, l-għaqdiet ambjentali ingħataw id-dritt li jagħżlu rappreżentant biex ikun membru tal-Bord tal-ERA. Hija nnutat li ironikament, l-Oppożizzjoni – li wkoll għandha membru fuq dan il-Bord, donnu għadha ma ndunatx b’dan.
“Permezz ta’ dan l-abbozz, irridu li l-laqgħat tal-Bord tal-ERA ikunu miftuħa għall-pubbliku f’ħafna każijiet li jistgħu jinkludu deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal numru ta’ permessi ambjentali. Qed naraw li għall-ewwel darba nżidu l-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet”, żiedet tispjega l-Ministru Dalli.
Filwaqt li tkellmet dwar l-importanza tal-infurzar il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar allega li l-ERA hija entità “bla snien” u filwaqt li kkwota investigazzjoni tal-Ombudsman sostna li din għandha jkollha aktar snien biex tittieħed azzjoni u tiġi rtirata kull illegalità. Il-Ministru rreaġixxiet għal din l-allegazzjoni u qalet li hi rat l-opinjoni finali tal-Ombudsman u kkwotat direttament minnha fejn intqal li “Jirriżulta li l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi aġixxiet, fil-mansjonijiet tagħha, fil-konfront tax-xogħlijiet fil-kwistjoni.”
Qalet ukoll li minkejja li ntqal li l-ERA mhi tagħmel xejn fuq Kemmuna, l-istess awtorità flimkien mal-ħaddiema ta’ Ambjent Malta għaddejja b’ħidma tar-restawr tal-ambjent naturali u l-ispeċi, ir-restawr tal-bur (marshlands) u l-għadajjar fil-Qala ta’ Santa Marija. Liema ħidma qed tħalli l-frott. Żiedet tgħid li barra minn hekk tħawwlu siġar u pjanti indigeni u ġibna lura pjanta tal-fjuri rari ħafna, jisimha ‘l-ħarira tal-ilma’. Pjanta li qed tikber fl-għadira r-restawrata mill-ERA.
Kompliet biex tgħid ukoll li ġie ffirmat ukoll Guardianship Deed ma’ Friends of the Earth Malta (FOEM), li permezz tiegħu Il-Forn ta’ Kemmuna se jiġi restawrat u konvertit f’ċentru ta’ taħriġ u edukazzjoni ambjentali. L-ERA u Project Green qed jaħdmu flimkien ma’ FOEM biex ix-xogħol jibda mill-aktar fis, f’dan li huma meqjus bħala partnership bejn il-Gvern, l-ERA u l-NGOs.
Hija kompliet biex titkellem dwar il-possibbilità li jinħarġu Ordnijiet ta’ Emerġenza f’każ ta’ periklu imminenti għall-ambjent u li f’dawn il-kazijiet l-Awtorità tkun tista’ taġixxi mill-ewwel, mingħajr it-trapass ta’ 15-il gurnata sabiex Ordni tiġi effettiva, kif qed titlob il-liġi llum.
“Dak li qed niddiskutu llum, ikompli jibni fuq dak li sar. Qed inressqu dawn l-emendi għax irridu li nagħtu saħħa ferm akbar lill-protezzjoni tal-ambjent. Irridu li jkollna trasparenza ferm akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet u rridu li ninvolvu lill-pubbliku ħafna aktar. Dan hu dak li qed nagħmlu b’mod konkret u effettiv”, temmet il-Ministru Dalli.