Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar fil-Parlament li l-White Rocks, art ta’ daqs kbir b’veduti mill-isbaħ, se jkun qed jinbidel f’park nazzjonali għall-familji.
Fil-kontro-replika tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg dwar il-Budget 2026, il-Prim Ministru sostna li huwa se jkun qed jiddeċiedi dak li ebda Gvern qablu ma kellu l-kuraġġ jiddeċiedi.
Huwa esprima t-twemmin tiegħu li l-pajjiż għandu jbiddel d-deċiżjoni u d-direzzjoni dwar l-art tal-White Rocks u se jkun qed jiddeċiedi bis-saħħa favur in-nies.
“Se nkun qed inħassar minnufih is-sejħa pubblika li ħarġet għall-iżvilupp ta’ din l-art u minflok din l-art tant sabiħa nagħtuha lill-poplu f’park nazzjonali miftuħ u aħdar,” tenna l-Prim Ministru li sostna wkoll li jrid jagħti garanzija perpetwa lill-poplu li hemm ma jinbena qatt aktar.
Dr Abela qal ukoll li Ħondoq ir-Rummien ingħata lura lin-nies u se jkunu qegħdin ukoll iroddu lura Manoel Island lill-Maltin u l-Għawdxin. Huwa żied jenfasizza li “b’determinazzjoni diġà ġibna impenn ċar u bil-miktub li l-iżvilupp massiv li kien se jsir fuq Manoel Island, mhuwiex se jsir u minflok żvilupp se jsir park nazzjonali għall-familji.
“Qed naħdmu biex niffinalizzaw il-ftehim finali biex din l-art tiġi lura għand il-poplu u malli tiġi lura, immedjatament all hands on deck biex minnha nwettqu l-isbaħ proġett ambjentali li qatt sar għall-poplu,” tenna l-Prim Ministru.

