Monday, December 23, 2024

Il-WHO: L-attakki fuq sptarijiet ġewwa l-Ukrajna qed jiżdiedu kuljum

Aqra wkoll

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa  (WHO) qalet li s’issa fil-gwerra ġewwa l-Ukrajna kien hemm iktar minn 70 attakk separat fuq sptarijiet, ambulanzi u tobba, liema attakki qegħdin jiżdiedu ma’ kull jum li jgħaddi. Il-WHO qalet li sfortunatament l-attakki fuq postijiet mediċi qegħdin isiru parti mill-istrateġija u t-tattika tal-gwerer moderni. 

L-aħħar vittma ta’ din l-istrateġija kien l-isptar ta’ Izyum, fin-Nofsinhar ta’ Kharkiv, li ftit tax-xhur ilu kien għadu saru ristrutturar kbir. Dan intlaqat f’attakk li sar fit-8 ta’ Marzu. L-awtoritajiet Ukreni qalu li dan l-isptar intlaqat minn artillerija Russa. 

Filmati u ritratti li xxerrdu online mid-deputat sindku tal-belt kienu juru l-ħsara estensiva li ġarrab dan l-isptar. Fihom jidher li l-żona li tilqa’ n-nies, li kienet ġie mibnija mill-ġdid is-sena li għaddiet, sfat meqruda totalment. Il-filmati u r-ritratti kienu vverifikati mill-midja internazzjonali, iżda l-kawża ta’ x’wassal għal din il-qerda hu diffiċli biex wieħed jgħid bl-eżatt x’kienet.

Mill-24 ta’ Frar ’il hawn, il-WHO studjat u vverifikat 72 attakk separat fuq faċilitajiet tas-saħħa ġewwa l-Ukrajna li fihom minn tal-inqas 71 persuna tilfu ħajjithom filwaqt li 37 sofrew ġrieħi serji. Apparti l-ħsarat fuq sptarijiet u mħażen tal-mediċini, il-WHO qalet li hemm “probabbiltà” li xi ħaddiema tas-saħħa u anke pazjenti ġew maħtufa jew arrestati.

Minħabba li l-kunflitt ġewwa l-Ukrajna huwa wieħed internazzjonali bejn żewġ stati, tapplika l-Konvezjoni tal-Ginevra. Il-konvenzjoni titkellem dwar id-drittijiet tan-nies ċivili u s-suldati, u tapplika wkoll protezzjoni għall-feruti u l-morda. Jekk dawn l-attakki min-naħa tar-Russja jkunu kkonfermati, dan ikun ksur ta’ din il-Konvenzjoni.

Ekonomija

Sport