Saturday, May 4, 2024

Il-windfarm f’Mozura: L-Enemalta ħallset €2.9 miljun u ngħatat lura €800,000 … Imkien ma’ jirriżulta li l-Enemalta ħallset €10 miljuni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn VICTOR VELLA

Fl-aħħar jiem smajna ħafna allegazzjonijiet dwar il-wind far f’Mozura fil-Montenegro. Bdejna nisimgħu b’rapport jallegaw li l-Enemalta ħallset aktar €10.3 miljuni għall-ishma tagħha. Lil hin minn dak li qed jingħad, minn stħarriġ li għamlet IT-TORĊA anke mill-kontijiet awditjati tal-Enemalta jirriżulta li l-verità hi ‘l bogħod minn hekk. Fil-fatt jirriżulta li l-Enemalta ħallset €2.9 miljun għall-ishma tagħha u ngħatat lura madwar €800,000. Mhux hekk biss imma dwar dan il-proġett, qed jirriżulta li saru proċessi ta’ ‘due diligence’, kemm minn Shanghai Electric Power u anke mill-istess Enemalta.

IT-TORĊA hi infurmata li fl-aħħar sigħat l-istess Enemalta kkollaborat bi sħiħ mal-investigaturi li qed jinvestigaw l-allegazzjonijiet, fejn l-istess investigaturi ngħataw aċċess għal informazzjoni kollha li kellhom jew se jkollhom bżonn.

Mill-istħarriġ ta’ IT-TORĊA jirriżulta li mill-kotba finanzjarji awditjati tal-Enemalta mkien ma jirriżulta li l-Enemalta ħallset €10.3 miljuni kif ġie allegat minn rapport f’sezzjoni tal-midja u anke mill-Kap tal-Oppożizzjoni u esponenti oħra Nazzjonalisti.

Ta’ min jgħid li dwar dan il-każ l-Enemalta spjegat li  hi awtorizzat investigazzjoni interna u anke talbet lill-Pulizija tinvestiga. Id-Diretturi tal-Enemalta huma kommessi li jipprovdu l-appoġġ kollu possibbli lill-investigaturi.

Minn stħarriġ ta’ IT-TORĊA jirriżulta li l-Enemalta kienet infurmata mill-Gvern Malti, li f’Marzu tas-sena 2014 il-Gvern Malti u Shanghai Electric Power kienu qablu li jikkollaboraw biex jidentifikaw proġetti ta’ enerġija rinnovabbli fir-reġjun Ewropew. Dak il-proġett kellu jiġġenera madwar 100MW f’enerġija mix-xemx u madwar 200MW enerġija mir-riħ. Il-Mozura Wind Farm  Project kien wieħed minn dawk il-proġetti li ġie identifikat.

Quddiem il-fatt li dan il-proġett kien f’linja ma’ din il-kollaborazzjoni u kien hemm qbil bejn il-gvern u Shanghai Electric Power għal dan l-investiment, l-Enemalta qablet li tikkolabora ma’ Shanghai Electric Power u Vestigo Capital Advisors LLP (li huma regolati mill-awtorità fir-Renju Unit), għal dan il-għan. 

Kien iffurmat konsorzju bejn Shanghai Electric Power bħala l-investituri ewlenin, l-Enemalta, Vestigo u Envision Energy (dawn minħabba l-esperjenza li huma kellhom fuq il-produzzjoni ta’ turbini tar-riħ).

Mill-kontijiet awditjati tal-Enemalta għas-sena 2015, għalkemm l-Enemalta kienet qablet li takkwista 100 fil-mija  tal-wind farm f’Mozura u dan bi ftehim ma’ Cifidex, l-intenzjoni kienet  li  dan kien ‘asset for sale’ tant li t-tlett membri tal-konsorzju li l-Enemalta kienet parti minnu, kellhom is-shareholding rispettiv tagħhom f’dan il-proġett. 

Filfatt dan hu spjegat b’mod ċar ħafna fil-kontijiet awditjati għas-sena 2017.  Kien intqal li “peress li l-istrutturi finanzjarji tal-konsorzju kienu għadhom ma ġewx stabbiliti b’mod sħiħ sa Ottubru tas-sena 2015, l-Enemalta ħallset €3.5 miljun biex  takkwista il-Mozura Wind Farm minn Cifidex u dan għal prezz finali ta’ €10.3 miljun. 

Jirriżulta imma li dawn l-€10.3 miljun ma tħallsux mill-Enemalta imma mill-konsorzju mill-konsorżju iffurmat minn IREDL, Vestigo, Envision flimkien mal-Enemalta.

Għalkemm fid-diskussjonijiet tal-bidu l-Enemalta kellha żżomm investiment indirett fil-proġett minħabba  shareholding li kellha f’International Renewable Energy Development Limited,  fis-sena 2017  il-Gvern tal-Montenegro talab li l-Enemalta ikollha sehem dirett ta’ 10 fil-mija fil-proġett.   Dan wassal biex l-Enemalta ikollha  shareholding dirett u indirett  fil-proġett ta’ Mozura li jammonta għal 28.9 fil-mija.

Minħabba dan, l-ammont li kellha tħallas l-Enemalta ammonta għal €2.9 miljun, u li għalhekk dan hu ferm u ferm il-bogħod mill-€10.3 miljun li qed jissemma. Id-differenza bejn it-€3.5 li tħallsu u it-€2.97 miljun li kellhom jitħallsu ingħatat lura  lill-Enemalta mill-membri l-oħra tal-konsorzju.

Apparti dan mill-kontijiet awditjati għas-sena 2017, meta l-Enemalta biegħet 90 fil-mija tal-ishma tagħha lil membri l-oħra tal-konsorzju, hi għamlet profitt ta’ €811,000 minn dan il-bejgħ.

Fuq dan il-proġett tmexxa due diligence  minn Shanghai Electric Power (bħala l-investituri ewlenin) flimkien mal-konsulenti finanzjarji u legali tagħhom. 

Il-prezz kien hemm qbil dwaru bejn l-erba’ membri tal-konsorzju u mhux mill-Enemalta waħidha. 

Apparti l-prezz, l-Enemalta innegozjat b’mod separat mal-membri tal-konsorzju fuq dik li tissejjaħ ‘guaranteed equity internal rate of return’ fuq dan l-investiment.  Din kienet stabbilita għal 9.4 fil-mija għall-benefiċċju tal-Enemalta. 

Dan kien kommess minn Shanghai Electric Power (Malta) bħala l-investitur ewlieni u minn Envision Energy. 

Id-diretturi tal-Enemalta analizzaw dak li kien fl-aħjar interess tal-Enemalta u kkonkludew fuq id-dokumenti provduti li dan l-investiment kien fl-aħjar interess tal-Enemalta u l-azzjonisti tagħha.

L-allegazzjonijiet li nħarġu dwar dan il-proġett huma li tħallsu €10.3 miljun biex ġew akkwistati l-ishma tal-windfarm minn kumpanija bl-isem Cifidex fit-28 ta’ Diċembru, 2015. Cifidex kienet xtrat dawk l-istess ishma għal €2.9 miljun mingħand Fersa Renovables, konsorzju Spanjol mogħti konċessjoni mill-Gvern tal-Montenegro fl-2010 biex imexxi l-windfarm, liema konsorzju kien mifni bi problemi. Allegazzjonijiet jgħidu li l-ishma nxtraw mingħand Fersa Renovables għal terz tal-prezz imħallas mill-Enemalta, meta llum nafu li mill-kontijiet awditjati l-Enemalta ma ħallsitx dawn il-flus imma kien il-konsorzju li ħallas.

L-allegazzjonijiet jgħidu li Cifidex iffinanzjat ix-xiri tal-ishma permezz ta’ ħlas ta’ €3 miljun trasferiti minn 17 Black fi tmiem Novembru 2015. L-allegazzjonijiet jgħidu li sa Ġunju tal-2016, Cifidex kienet bagħtet lura lil 17 Black it-€3 miljun flimkien ma’ ammont addizzjonali ta’ mill-inqas €4.6 miljun. 

Minkejja dawn l-allegazzjonijiet hu fatt stabbilit issa li l-Enemalta fl-ebda mument ma ħallset €10.3 miljun.

Sport