Il-binja tal-General Workers’ Union, il-Workers’ Memorial Building, għal snin twal kienet ballun politiku għal ħafna esponenti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Saħansitra snin ilu kien hemm anke min azzarda jgħid illi Gvern Nazzjonalista jwaqqa’ l-binja u minflokha jibni appartamenti għall-kiri.
Daqshekk kienet l-imħabba lejn il-ħaddiem minn dawn l-istess esponenti. Tant li anka fis-snin riċenti sar aktar minn attentat wieħed biex il-GWU tiġi żgumbrata mill-binja tagħha.
Illum, bil-bidla fil-kuntratt li sar permezz ta’ riżoluzzjoni parlamentari li ġiet issiġillata nhar it-Tnejn li għadda, il-binja kienet, għadha u se tibqa’ tal-ħaddiema. Binja li se tkompli tkun il-vuċi tan-nies tax-xogħol.
Għalhekk bilfors li dan l-iżvilupp kellu jiġi meqjus bħala wieħed storiku billi qiegħed jiddefinixxi b’mod konkret il-futur tal-GWU fi żmien meta d-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’mod drastiku u mgħaġġel ħafna.
Dan il-ftehim huwa wieħed importanti għaliex kif qal il-Prim Ministru f’diskors li għamel, se jkompli jagħti stabbilta lill-GWU, li fi storja ta’ ’l fuq minn 80 sena ħadmet favur il-ħidma soċjali u l-mixja ’l quddiem tal-ħaddiem Malti. U għalhekk ma kien hemm l-ebda dubju li fost l-ilħna progressivi li xprunaw it-tibdil f’pajjiżna kien hemm il-GWU fejn bil-kontribut qawwi tagħha, il-ħaddiema kellhom kisbiet kbar.
Importanza oħra li toħroġ minn dan il-ftehim huwa l-fatt li l-binja ma tistax tibqa’ aktar tiġi wżata minn elementi politiċi u mhumiex, li għal skopijiet ta’ moħħhom iridu jkissru l-GWU, akkost li jbati l-ħaddiem.
Dan il-ftehim ma kienx xi ħaġa frivola tant li l-GWU kellha tħallas kważi €2 miljun biex isseħħ emenda fil-kuntratt legali li permezz tagħha tneħħew xi restrizzjonijiet li kienu imposti fil-kuntratt oriġinali.
Sa mill-għoti tal-kuntratt fl-1957, il-Workers’ Memorial Building serviet bħala simbolu tad-dedikazzjoni dejjiema tal-mexxejja tal-union ta’ dak iż-żmien lejn id-dinja tax-xogħol u s-soċjetà Maltija. Filwaqt li l-valuri u l-prinċipji tal-union għadhom u se jibqgħu l-istess, b’danakollu l-mod kif dawn jitwettqu jistgħu jinbidlu skont iċ-ċirkostanzi tal-mument.
Fl-isfond ta’ dan kollu, b’għaqda u determinazzjoni, qed jiġi żgurat li l-GWU tibqa’ forza ewlenija fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u li l-binja tibqa’ d-dar naturali mhux biss tal-ħaddiema kollha imma tas-soċjetà Maltija sħiħa.