Wednesday, July 24, 2024

Il-Workers’ Memorial Building jibqa’ tal-Ħaddiema

Aqra wkoll

Il-Qorti Ċivili llum iddeċidiet li t-talba magħmula mill-Partit Nazzjonalista sabiex il-General Workers’ Union tkun imkeċċija mill-binja tagħha fil-Belt hija bla bażi.

Kien l-eks-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li fl-2017 impona fuq il-grupp parlamentari tiegħu li lkoll jiftħu kawża kontra l-unjin biex itellfuha l-jedd li tagħmel ix-xogħol trejdunjonistiku mill-Workers’ Memorial Building fil-Belt.

Permezz tas-sentenza tal-lum, il-Qorti stqarret li l-kumpanija tal-Gvern ARMS Limited u Sciacca Grill ma jistgħux ikomplu joperaw mil-lokali assenjati lilhom fil-konfini tal-Workers’ Memorial Building. Madankollu, l-Qorti ċaħdet b’mod skjett it-talba tal-PN biex il-GWU tkun żgumbrata, billi tali talba tmur lil hinn mill-parametri tal-liġi.

Din kienet it-tieni rebħa għall-GWU f’din il-kawża wara li l-Qorti Kostituzzjonali f’Diċembru 2018 kienet sabet li d-drittijiet tal-unjin kienu qed jinkisru meta l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima ċaħdet it-talba biex tirrikuża ruħha minkejja l-familjarita tagħha mad-ditta tal-avukati Fenech & Fenech li dehru għad-deputati Nazzjonalisti.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, esprima s-sodisfazzjon tal-unjin li “li b’effett ta’ din id-deċizjoni, il-Workers’ Memorial Building se tibqa’ titgawda mill-ħaddiema u mill-familji tagħhom.” Huwa kompla li b’hekk il-GWU se tibqa’ t-tarka tal-ħaddiema f’Malta u Għawdex.

Il-General Workers’ Union tinsab sodisfatta li l-Workers’ Memorial Building se tibqa’ taqdi l-funzjoni tagħha b’riżq il-ħidma tal-unjin fl-interessi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u rringrazzjat lill-avukati li assistewha f’din il-kawża matul l-aħħar seba’ snin, Aaron Mifsud Bonnici, John Bonello, Chris Vella u Marycien Vassallo.

Ekonomija

1 kumment

  1. Il partit nazzjonalista dejjem juri
    LIMHABBA li ghandu lejn il HADDIEM u min lest li jiddefendih.Grazzi mill qalb GWU U MLP.

Comments are closed.

Sport