Kesħa xxoqq il-għadam bit-temperaturi taħt iż-żero. Issib jilqgħuk tined ta’ kulur blu u oħrajn oranġjo. F’dawk l-istess tined imbagħad tara diversi uċuħ. Tfal u ommijiet. Tispikka l-għejja. Ħafna minnhom jippreferu ma jitkellmux mal-midja, anke minħabba is-sigurtà tagħhom u ta’ qraba tagħhom li għadhom fl-Ukrajna. Il-kjuwijiet huma xi ħaġa li jimpressjonawk.
Barra mit-tined u ftit bogħod minn dan il-post jiġbdulek għajnejn nies mexjin. Ommijiet mgħobbija b’basktijiet u bi tfal magħhom. Oħrajn tarahom fil-karozzi. Kju kbir ta’ karozzi li jieħu diversi kilometri f’direzzjoni lejn Siret fir-Rumanija, fejn twaqqaf dan iċ-ċentru għar-refuġjati Ukreni. Ċentru li fih tiltaqa’ ma’ ammont kbir ta’ Rumeni li qed imorru hemm biex joffru akkomodazzjoni lil dawn ir-refuġjati Ukreni.
Refuġjati, li kif jaslu fil-post minn vjaġġ twil, ir-realtà titlob li jkollhom jistennew fi kju ieħor sakemm jingħataw kenn. Ħafna minn dawn qegħdin imbagħad imorru lejn akkomodazzjoni f’postijiet oħra fir-Rumanija stess, għalkemm hu mistenni li jekk il-kunflitt fl-Ukrajna ikompli jitwal, se jkun hemm ħafna aktar Ukreni li jaslu f’Siret fil-jiem li ġejjin.
Dan is-sit tkellem ma’ diversi voluntiera li fl-aħħar jiem kienu f’Siret fejn bdew jilqgħu lill-istess voluntieri. Jispikka kumment wieħed, kif ħafna familji bdew jirrimarkaw kif qatt ma stennew li se jispiċċaw refuġjati mil-lejl għan-nhar. Il-voluntieri ġejjin minn diversi organizazzjonijiet fl-Ewropa. Fosthom hemm ukoll SOS Malta li bagħtet voluntieri f’dan il-post biex jassistu.
Emozzjona ruħu bil-ġenerożità… familji Rumeni fetħu djarhom għar-refuġjati
Nelu, voluntier li qed jaħdem f’Siret, fl-aħħar jiem kien qed iwassal għajnuna ta’ ikel lil dawn l-istess refuġjati. Fi kliemu stess twaqqfu għadd ta’ tined biex fihom jintlaqgħu ir-refuġjati Ukreni. Isemmi it-temperaturi baxxi, ix-xita u l-borra li qed tinżel u li xejn ma tagħmilha faċli għal dawn l-istess persuni li qed ifittxu kenn. Isemmi l-għejja kbira li qed ikollhom dawn il-persuni, fil-maġġoranza nisa u tfal u dan għax irġiel ta’ inqas minn 60 sena ma jistgħux joħorġu mill-Ukrajna. Nelu qed jgħin billi jipprovdi ikel. Baqa’ impressjonat b’xi ħaġa żgħira ħafna, dik ta’ meta qassam ħelu lit-tfal. Sema’ l-għajta ta’ ferħ tagħhom, hekk kif kien hemm minnhom li kien ilhom jiem ma jduqu xi ħaġa ħelwa ma’ ħalqhom.
Imma Nelu ma jiqafx hemm. Isemmi il-ġenerożità tar-Rumeni. Jispjega kif kien hemm familji li fetħu djarhom għar-refuġjati – għal persuni li qatt ma iltaqgħu magħhom qabel.
“Għamlu 20 siegħa fi kju qabel waslu Siret”
Voluntier ieħor qalilna li “dawn il-familji li qed jaslu għamlu sigħat fi kjuwiet qabel waslu. Dan biex ma nsemmix il-vjaġġ twil li jkunu għamlu. Hemm min ġie minn Kiev, li hu vjaġġ twil. Imbagħad hawn sabu kju twil diversi kilometri. Kien hawn min għamel 20 siegħa jew aktar jistenna fi kju sakemm jasal hawn”.