Saturday, December 21, 2024

ILKOLL INDAQS

Aqra wkoll

L-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma valuri ewlenin u drittijiet fundamentali f’ pajjiżna. Ħafna sar tul dawn l-aħħar snin minn Gvern Laburista biex kull ċittadin iħossu sikur u liberu mingħajr biża’ ta’ diskriminazzjoni jew vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess. Tant li Malta hija rikonoxxut bhala waħda mill aktar pajjiz Ewropej avvanzati f’dan il-qasam. Tassew, f’Mejju li ghħadda, pajjiżna ikklassifika fl-ewwel post fl-indiċi ta’ ILGA-Europe li jkejjel id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ f’pajjiżi differenti. Għas-sitt sena konsekuttiva Malta ġiet fl-ewwel post u din id-darba tejbet il-punteġġ mogħti lilha, b’ħamsa fil-mija.

Dan ir-rizultat mhuwiex koinċidenza imma l-frott ta’ process li l-Gvern Laburista beda kif ħa t-tmun tal-pajjiż f’idejh. Tassew, kien Gvern Laburista li introduċa drittijiet ċivili li kissru il-ħitan ta’ preġudizzji, diskriminazzjoni u inġustizzji. Kien Gvern Laburista li ċeda l-kawża li kellu miftuħa l-Gvern preċedenti minn Joanne Cassar. Joanne kienet bidlet is-sess u l-Gvern preċedenti ma ridx jaċċetta l-bidla li għamlet. Kien ukoll dan il-gvern illi nieda bosta strateġiji f’dan il-qasam biex jassigura li l-kunċett ta’ ilkoll indaqs ma tkunx biss kliem fieragħ imma l-pedament għal sisien ta’ pajjiż li verament jemmen fid-drittijiet ċivili.

Kien għalhekk li fl-2019, il-Gvern nieda l-ewwel strateġija nazzjonali għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità għall-għaxar snin li ġejjin. Din l-strateġija ġiet imħejjija biex persuni b’diżabilitá ma jkollhom l-ebda xkiel biex jgħixu ħajja kif jgħixu kull wieħed u waħda minnha. Din l-strateġija giet imħejjija wkoll biex tassigura li l-entitajiet kollha fis-settur jaħdmu flimkien sabiex jiġu offruti servizzi ċċentraliżżati u effiċjenti. Biex jintlaħaq dan il-għan, din l-istrateġija hija mibnija fuq tnax-il qasam b’kull wieħed jindirizza aspett importanti mill-ħajja li jgħix persuna b’diżabilità bħall-aċċessibilitá fiżika, l-akkomodazzjoni soċjali, is-sesswalità, l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-isport.

Kien għalhekk li l-gvern nieda t-tieni Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza ta’ Persuni LGBTIQ tal-Gvern 2018 – 2022 li tibni fuq l-ewwel strateġija li permezz tagħha saru avvanzi kbar speċjalment fil-qafas leġiżlattiv ta’ Malta. Din l-Istrateġija ġdida tirrikonoxxi li issa għandna bżonn nintegraw dawn l-avvanzi b’mod sħiħ fis-servizzi li nagħtu u fil-ħajja ta’ kuljum. 

Kien għalhekk ukoll li f’Ġunju li għadda, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, flimkien ma’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela u mal-Kummissarju tal-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri, nedew l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika għall-2021-2022, liema strateġija għandha tkompli tikkonsolida x-xogħol siewi li nkiseb mill-ewwel Strateġija Nazzjonali tal-2018-2020.

Però dan ma kienx biżżejjed. Kien għalhekk li l-Partit Laburista elenka il-kunċett ta’ ‘ilkoll indaqs’ bħala prijorità fil-mitt idea li riċentament  ppreżenta. Dan sar biex is-sisien tal-ugwaljanza f’pajjiżna jkomplu jissaħħew u biex dak li beda tminn snin ilu ma jkunux it-tmiem imma l-bidu ta’ proċess jkompli jiġġedded u jissaħħaħ mal-milja taż-żmien. 

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza kien minn dejjem fiċ-ċentru tal-vjaġġ politiku tiegħi. Nemmen f’soċjetà miftuħa u mingħajr preġudizzji li tagħti l-istess opportunità lil kulħadd. Kien għalhekk li riċentament introduċejt il-kunċett ta iċ-Cittadin li jara li l-ilmenti ta’ kull ċittadin jiġu mħarsa. Kien għalhekk li jien introduċejt inizjattivi oħra li joffru lir-residenti tat-tielet distrett il-possibilità li jkomplu jiżviluppaw l-abbiltajiet tagħhom mingħajr preġudizzju. 

Jien li kelli rwol attiv fit-tfassil tal-mitt idea nemmen illi l-proposti elenkati fil-mitt idea ser isaħħu id-drittijiet ta’ kull ċittadin biex tassew kulħadd ikun indaqs, biex tassew niggarantixxu futur sod għal pajjiżna u biex tassew il-ġenerazzjoni li jmiss tista’ tassew tgħix f’Malta li ma tħarisx lejn kulur, razza, ġeneru jew orjentazzjoni sesswali. Dan qed nagħmluh ukoll biex il-mitt idea jirriflettu dak li nisma’ kuljum meta niltaqa’ man-nies. 

Huwa għalhekk li nilqa’ b’sodisfazzjon proposti elenkati fil-Mitt Idea li jinkludu l-bżonn ta’ ġlieda kontinwa kontra l-prekarjat biex jiġi assigurat li kull ħaddiem f’pajjiżna jiġi trattat b’dinjità, filwaqt li tkompli l-ħidma f’miżuri li jagħtu dejjem aktar emanċipazzjoni lill-mara. Nilqa’ b’sodisfazzjon l-inkluzjoni tal-bżonn li l-parental leave għandu jiġi wżat skont il-ħtiġijiet tal-familji. Naqbel ukoll mas-sejha biex tkompli tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema b’diżabbiltà fid-dinja tax-xogħol skont il-ħiliet individwali. Nilqa’ wkoll b’sodisfazzjon l-idea li l-vittmi tal-vjolenza domestika u wliedhom għandhom jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ u jiġi assigurat li jibqgħu jgħixu f’ambjent sigur f’darhom.

Fuq kollox naqbel li l-edukazzjoni tibqa’ essenzjali biex ngħixu f’soċjetà fejn verament kulħadd indaqs. Huwa għalhekk li l-proposti biex jingħata sensitivity training lill-ħaddiema ta’ entitajiet pubbliċi u organizazzjonijiet privati kif ukoll li tissaħħaħ l-edukazzjoni kontra r-razziżmu, l-omofobija u forom oħra ta’ diskriminazzjoni u mibegħda huma tassew pertinenti.

Dan huwa gvern li bil-fatti qed jibni Malta fejn verament kulħadd indaqs. Dan huwa gvern li verament qed iħares ir-ruħ soċjali. Fuq kollox, dan huwa verament gvern li fih irrid nikkontribwixxi biex Malta tiggarantixxi soċjetà inklużiva u progressiva.  

“Nemmen f’soċjetà miftuħa u mingħajr preġudizzji li tagħti l-istess opportunità lil kulħadd.”

Ekonomija

Sport