Sunday, October 27, 2024

Illejla fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ingħatat bidu l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista

Aqra wkoll

L-ewwel sessjoni plenarja tal-Konferenza Ġenerali kienet indirizzata mid-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista Chris Fearne u Daniel Micallef, kif ukoll mill-President tal-Partit Laburista Ramona Attard.

Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, Chris Fearne saħaq li l-Partit Laburista jrid ikompli jattira l-aqwa talent u l-aqwa ideat fi ħdanu u jrid ikompli jkun ta’ ispirazzjoni għal min irid jidħol fil-politika.

“Uċuħ ġodda, nies t’esperjenza. Biex inkomplu nirbħu għandna bżonn lil kulħadd,” qal Fearne hekk kif saħaq li fil-Partit Laburista hemm post għal kulħadd, mill-esperjenza tal-veterani, għall-entużjażmu taż-żgħażagħ.

Semma wkoll il-ħidma fuq il-ħafna proġetti u inizjattivi li twettqu u qed jitwettqu minn Gvern Laburista. “Kemm konna, matul is-snin, għaqlin, bieżlin, biex bnejna pajjiż illi jaħdem, pajjiż fejn tista’ tgħix fit-trankwillità, fis-saħħa u pajjiż sabiħ,” saħaq id-Deputat Mexxej Chris Fearne.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Daniel Micallef ta ħarsa lejn il-ħidma u l-kisbiet importanti li twettqu matul dawn l-aħħar ħdax-il sena fi ħdan il-Partit Laburista, semma kemm twettqu riformi kbar u bidliet bla preċedent.

Huwa tenna li dan il-Partit kompla jkollu riżultati tajbin għax antiċipa l-isfidi u kien proattiv. “Konna kapaċi negħlbu sfidi kbar – ċert li kapaċi nagħtu lill-poplu l-bidla fid-direzzjoni f’ċertu oqsma li jixtieq. Ħarsitna trid tibqa’ ffukata kontinwament ’l quddiem,” temm jgħid id-Deputat Mexxej Daniel Micallef.

Fid-diskors tagħha, il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard saħqet kif l-onesta’ bejn it-tim tal-amministrazzjoni dejjem wassal biex jibqgħu tim wieħed b’saħħtu wara l-Prim Ministru.

Saħqet li persważa li bil-kandidati li għandna quddiemna llum, din l-għaqda ser tibqa’. Tenniet kif f’dawn l-aħħar ħdax il-sena il-Partit Laburista ma tilifx elezzjoni waħda u kompla jwettaq aktar ġid u dan kien grazzi għal tim b’saħħtu.

“Għandna tim formidabbli quddiemna, lesti għall-elezzjoni ġenerali. Ser noħorġu minn hawn b’saħħitna aktar,” temmet tgħid Dr Attard.

Waqt din is-sessjoni plenarja ngħatat ukoll tislima lill-memorja tal-eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela kien preżenti għal din is-sessjoni plenarja, u fi tmiem il-laqgħa huwa vvota għall-ħatriet fi ħdan il-Partit Laburista, hekk kif ingħata bidu għall-votazzjoni li se tibqa’ għaddejja sa għada is-Sibt 14 ta’ Settembru sas-14:00 fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u sas-13:00 fiċ-Ċentru Laburista ta’ Sannat, Għawdex.

Nhar il-Ħadd 15 ta’ Settembru fl-10:00am ser tittella’ l-aħħar sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li ser tkun indirizzata mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.

Sport