Raġel Amerikan li qatta’ kważi 28 sena arrestat fuq delitt li huwa dejjem ċaħad li wettaq, kellu s-sentenza mibdula f’Missouri.
Lamar Johnson ta’ 50 sena, ħareġ illiberat mill-awla ta’ St Louis wara deċiżjoni mogħtija mill-Imħallef David Mason.
L-Imħallef qal li huwa bbaża d-deċiżjoni tiegħu wara x-xhieda ta’ żewġ persuni li kienu pprovdew “evidenza ċara u konvinċenti” li s-Sur Johnson kien innoċenti.
Fl-1994, ir-raġel kien instab ħati tal-qtil ta’ Marcus Boyd. Mat-tħabbira tas-sentenza li ngħatat it-Tlieta li għadda, is-Sur Johnson deher viżibbilment kommoss filwaqt li l-partitarji tiegħu bdew iċapċpu u jifirħu għalih.
Is-sena li għaddiet, l-Avukata Kim Gardner kienet ressqet mozzjoni għall-ħelsien tas-Sur Johnson wara li kkordinat investigazzjoni flimkien mal-organizzazzjoni legali bla skop ta’ qligħ Innocence Project.
Marcus Boyd kien inqatel b’tiri minn żewġt irġiel mgħammda quddiem ir-residenza tas-Sur Johnson f’Ottubru tal-1994. Min-naħa tiegħu, Johnson insista kemm-il darba li huwa ma kienx id-dar meta seħħ l-attakk.
L-Imħallef Mason ħareġ bid-deċiżjoni tiegħu wara li xhud ewlieni kien irtira x-xhieda tiegħu, u priġunier kien stqarr li ken hu li spara lil Boyd flimkien ma’ suspettat ieħor, Phil Campbell.