Tuesday, May 14, 2024

KELMA TA’ KURAĠĠ BĦAL FJURA LI MA TITBIEL QATT

Aqra wkoll

Għadna kif għaddejna l-Jum ta’ San Valentinu. Jum li fih f’kull rokna tad-dinja tara xi forma ta’ sinifikat ta’ dan il-jum u ma jistax jonqos li miegħu jkun hemm abbinat xi forma ta’ materjaliżmu wkoll. Dwar dan qsamna magħkom diġà l-ħsieb, iżda l-imħabba ma nemmnux li għandha tkun fl-14 ta’ Frar biss, jew dik bejn il-koppji. L-imħabba vera m’għandhiex limitu jew uċuħ, u minkejja li ħafna drabi nassoċċjaw l-espressjoni tagħha ma’ xi warda jew xi bukkett fjuri, nemmnu li hemm xi ħaġa li tista’ tkun iżjed moralment b’saħħitha.

Kelma ta’ ġid f’mument fejn dak li jkun forsi jħossu waħdu, magħdur jew saħansitra magħluq f’kantuniera mingħajr l-ebda sinjal ta’ ħelsien tista’ tkun il-warda li tibqa’ sabiħa għal dejjem. Dik il-kelma tista’ tinġarr għal dejjem u min jaf, forsi anke tiġi trassmessa minn dik il-persuna li biha tkun issaħħet u sabet il-kuraġġ biex tiġġieled l-isfidi tal-ħajja.

Nemmnu li fejn hemm ir-rieda, il-bniedem jista’ jasal fejn irid. Niktbu fost affarijiet dwar dan is-settur u l-għajta li m’għadekx issib ġurnalisti. Mhuwiex ċertament xogħol għal kulħadd u hija ħasra li għadek issib veterani li mhux lesti li jwittu t-triq għall-uċuħ ġodda li f’dinja moderna joħolmu li jagħmlu karriera msejsa fuq bażi ta’ struttura ġurnalistika li taf l-għeruq tagħha minn amor proprju fejn lil hinn mill-esklussività, dak li jkun ifittex dik ix-xi ħaġa ‘extra’ li tagħmel ix-xogħol imfittex u segwit minħabba kredibbiltà tal-fatti pubblikati.

Fl-aħħar ġimgħat dan is-sit kellu rappreżentanza ta’ ġurnalisti barra minn xtutna li ġew afdati biex jirrapreżentaw lill-organizazzjoni bil-kitba tagħhom u tħalltu u naqqxu l-isem tagħha flimkien ma’ dawk ta’ ġurnalisti internazzjonali oħra minn pajjiżi ferm ikbar fejn ngħiduha kif inhi l-opportunitajiet huma ferm iktar mifruxin għal dawk li jixtiequ verament jibnu karriera.

Mhix kwistjoni ta’ dan is-sit biss, lanqas tal-ġurnalisti tagħna biss. Il-ġurnalist għandu xogħol ta’ responsabbiltà kbira. Li persuna ssib sostenn meta tkun qiegħda tagħmel xogħolha, li tingħata assistenza anke b’kelma ta’ kuraġġ meta taħsel se taqta’ qalbha minħabba li l-piż ta’ esperjenza kbira jaf jegħleb l-aspettattivi tal-avventura hija xi ħaġa li għandna ħafna aktar bżonnha jekk verament irridu li dan is-settur jerġa’ jagħtina individwi li lesti li jiddedikaw ħajjithom biex iwasslu l-aħbar it-tajba.

Fid-dawl ta’ dan kollu nemmnu li l-ġurnalist għandu l-ewwel u qabel kollox ifittex il-verita, jikseb il-fiduċja tal-kollegi tiegħu u jitħalla fil-libertà jaħdem mingħajr xkiel.

Jekk inħarsu lejn il-midja lokali, u nagħrblu l-esperjenzi tal-uċuħ żgħażagħ f’dan is-settur, ġejjin mil-liema kamra tal-aħbarijiet ġejjin, mhux wieħed jew tnejn kienu dawk li sabu ħafna ostakli. Uħud jikkonfermaw li s-suċċess tagħhom wara snin fil-ġurnaliżmu ġej minn kelma ta’ kuraġġ li mhux neċessarjament ġiet minn persuni f’karigi għoljin, iżda forsi mingħand dak il-personaġġ li ma jaf bih ħadd li madanakollu l-“ġnien” tiegħu mimli ward sabiħ għax minn fommu l-kelma kienet dejjem dik ta’ kuraġġ. Kelma li għenithom iwarrbu kull kumment u aġġettiv negattiv u bi sfida personali waslu biex ikissru l-barrieri li dawn l-istess kummenti pruvaw jagħlqulhom il-bibien. Biex dan iseħħ, il-kelma mhix biżżejjed … ir-rieda hija kruċjali.

Sport