Waqt żjara fiċ-ċentru tal-Fondazzjoni Richmond, Dr Lydia Abela, mart il-Prim Ministru, saħqet fuq il-bżonn li flimkien nibqgħu nqajmu aktar għarfien dwar l-importanza tas-saħħa mentali tagħna, kif ukoll nirrikonoxxu l-ħidma kbira li qed issir minn għaqdiet u entitajiet matul is-sena kollha.
Dr Abela faħħret ix-xogħol imprezzabbli li tagħmel il-Fondazzjoni Richmond favur is-saħħa mentali fejn tenniet ukoll li din is-sena kienet partikolari għax offriet bosta sfidi, bis-saħħa mentali tkun fuq quddiem.
Hija saħqet ukoll li fost ħafna servizzi li jingħataw, ma nistgħux ma nagħmlux aċċenn partikolari fuq il-helpline 1770 fejn b’servizz telefoniku persuna li jkollha bżonn l-għajnuna tkun taf li hemm professjonisti li lesti biex jisimgħu u jiggwidaw. Dan għalihom ifisser wens u serħan il-moħħ. Fil-fatt, din is-sena dan is-servizz ġie estiż għal 24 siegħa kuljum.
Dr Abela rrimarkat ukoll li l-ammont ta’ telefonati din is-sena tela’ għal 2,700 bl-ansjetà, is-solitudni, il-persuni li jħossuhom waħedhom, imwarrba u anki bi problemi fil-familji kienu fost l-iktar li talbu l-għajnuna
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, is-Sinjura Stephania Dimech Sant, qalet li din is-sena rajna qabża kbira fit-telefonati li jidħlu fuq il-helpline għax qiegħed isir aktar għarfien dwar is-saħħa mentali. Dwar l-2,700 telefonata li saru din is-sena, qalet li t-telefonati li daħlu kienu effett ta’ kif żviluppat il-pandemija.
Stephania Dimech Sant qalet li fil-bidu daħlu telefonati marbuta mal-ansjetà u nies imħassba dwar il-possibbiltà li jiġu infettati bil-Covid-19. Maż-żmien qalet li żdiedu aktar telefonati ta’ nies li diġà kellhom problemi ta’ saħħa mentali u solitudini fejn talbu gwida, min jismagħhom u oħrajn li kellhom bżonn aktar għajnuna. Kien hemm ukoll kumpaniji li talbu l-għajnuna tal-Fondazzjoni għal servizzi għall-impjegati kemm meta bdew jaħdmu mid-dar kif ukoll meta marru lura għax-xogħol.
Dr Abela temmet l-indirizz tagħha b’appell u saħqet dwar l-importanza li rridu nibdew aħna flimkien minn djarna, mill-komunità fejn ngħixu bl-għarfien dwar is-saħħa mentali.
Appellat biex fejn nafu li jkun hemm persuni li jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet f’ħajjithom, ma nwarrbuhomx iżda ninkluduhom kemm jista’ jkun fis-soċjetà.