Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kelli tmien snin. Niftakarni kont nara logħbiet fuq it-televixin ma’ tal-familja u anke kont nitla’ ma’ missieri nara l-logħob l- grawnd hawn Malta u qisu minn hemm bdiet il-ħajra li nibda nilgħab il-futbol. Aktar ma għaddew is-snin, aktar bdejt napprezza mhux biss il-logħba nnifisha, iżda wkoll id-dixxiplina, u l-passjoni li jeħtieġ biex titjieb.
Avolja waqaft nilgħab madwar erba’ snin ilu, wara xorta għidt irrid inkompli fix-xena tal- futbol u hekk għamilt. Ma kontx ċert liema rwol nixtieq inkompli fuqu imma ddeċidejt li nkompli fuq match analysis. Illum, il-futbol għalija mhux biss sport imma sar parti minn ħajti!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala match analyst tat-tim tan-nisa ta’ Mġarr United FC.
Fl-istaġun preżenti, qed naħdem bħala match analyst għal Mġarr United FC. Matul u wara l-logħbiet tagħna, niffoka fuq l-analiżi ta’ kif qed nahdmu bħala tim – kemm fid-difiża kif ukoll fl-attakk – u flimkien mal-kowċ naraw liema mumenti fejn stajna konna aħjar u f’forma ta’ filmati qosra, nippreżentawhom lill-plejers sabiex intejbu dawk il- mumenti. Dan jinkludi analiżi kollettiva u fejn ikun hemm bżonn anke individwali. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-kumitat li pprovda kamera ġdida li qed nimmiraw li biha se ntejbu l-analiżi tagħna.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Kien staġun pożittiv fejn ktibna l-istorja tal-klabb fejn irbaħna n-Knock-out għall-ewwel darba. Imma apparti minn hekk ġejna t-tieni fil-kampjonat. Avolja kellna problema ta’ injuries fejn kellna 2/3 plejers b’injury fit-tul u kienu parti mill-ewwel 11, xorta waħda kulħadd baqa’ jemmen sabiex ovvjamnet ksibna dan kollu.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Qegħdin inħarsu lejn l-istaġun li ġej b’mentalità pożittiva u b’motivazzjoni qawwija. Għandna grupp magħqud u determinat, u nafu li bi xoghol li qed issir mill players, staff tekniku u kumitat jista jkollna staġun b’saħħtu.
Kull staġun iġib miegħu sfidi ġodda, imma aħna lesti li niffaċċjawhom flimkien bħala tim. L-għan tagħna hu li ntejbu fuq dak li għamilna s-sena li għaddiet u nagħtu prestazzjonijiet konsistenti kemm f’termini ta’ riżultati kif ukoll bħala livell ta’ logħob.
Kif tqis il-livell attwali tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna?
Nemmen li l-livell tal-futbol tan-nisa f’Malta qed juri progress ċar minn sena għall-oħra. Rajna titjib kemm fil-kwalità teknika tal-plejers kif ukoll fl-istruttura tal-klabbs. Hemm aktar investiment fit-taħriġ tat-tfajliet minn età żgħira, u dan qed jibda jagħti l-frott f’kompetizzjonijiet tal-kbar.
Il-fatt li xi plejers Maltin issa qed jilagħbu barra minn Malta huwa sinjal pożittiv u ta’ motivazzjoni għal oħrajn.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Hemm grawnds bħas-Centenary Stadium li huma ta’ livell għoli. Madankollu, għad hemm lok għal titjib f’ċerti grawnds, bħad-dawl tal-grawnd , l-istandards tal-kmamar tal-plejers, u ż-żoni tekniċi.
Kif qed thares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħala xi ħadd li għadu fil-bidu ta’ din il-karriera, ninsab eċċitat u motivat ukoll biex nitgħallem kemm nista’. Inħares lejn il-futur b’mentalità ta’ tkabbir u b’xewqa kbira li nagħti kontribut b’saħħtu lit-tim. Il-futbol qed jinbidel u r-rwol tal-analista qed isir dejjem aktar importanti – u jiena rrid inkun parti minn dan l-iżvilupp.
L-għan tiegħi hu li nkompli nitgħallem f’dan ir-rwol, nifhem aħjar il-logħba minn kull aspett, u nkun ta’ appoġġ ċar għal dawk fuq il-pitch. Dan hu biss il-bidu, imma nemmen li bil-passjoni u l-impenn, nista’ nibni karriera soda u ta’ impatt f’dan il-qasam.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lill-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Lill-bniet u t-tfajliet kollha li għandhom passjoni għall-futbol – tibżgħux tisfidaw l-ostakli u ssegwu l-ħolma tagħkom. Il-futbol mhux biss logħba għal kulħadd, imma wkoll pjattaforma fejn inti tista’ tikber, tagħti l-aqwa tiegħek, u tispira lill-oħrajn.
Il-futur tal-futbol hu f’idejn nies bħalkom – passjonati, ħabrieka u determinati. Komplu ġibu l-bidla, komplu kunu ta’ eżempju, u fuq kollox, ibqgħu gawdu kull mument fuq il-pitch!