Saturday, May 18, 2024

Illum il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa ta’ San Ġwanni Pawlu II

Aqra wkoll

Fit-22 ta’ Ottubru, il-Knisja Kattolika tiċċelebra u tfakkar lil San Ġwanni Pawlu II – qaddis li għadu jiġbed lejh eluf ta’ persuni. Magħruf bħala Papa Ġwanni Pawlu II, twieled f’Wadowice, fil-Polonja, fejn ingħata l-isem ta’ Karol Jozef Wojtyla.

Kien l-iżgħar minn tlett itfal. Ommu, Emilja, mietet meta kellu tmien snin, waqt li kienet qed twelled lil oħtu Olga, li sfortunatament mietet ukoll. Ħuh Edmund, li kien 14-il sena ikbar minnu, sar tabib, imma mbagħad miet bl-iskarlatina. Bħala tifel kien iħobb ħafna l-atletika u kien anke f’tim tal-futbol. Kien iħobb ukoll il-palk u kien jieħu sehem f’diversi reċti.

Fl-1938, Karol daħal l-Università ta’ Krakow fejn beda jistudja l-lingwi u eventwalment irnexxielu jitgħallem 12-il lingwa. Kien f’dak iż-żmien li kellu bilfors jitħarreġ mal-armata hekk kif sena wara l-Ġermanja invadiet lill-Polonja.

Kien fl-1942 fejn beda l-istudju biex isir saċerdot u dan kollu seta’ jagħmlu billi attenda s-seminarju taħt l-art. Hu kien ordnat saċerdot fl-1 ta’ Novembru tal-1946 fejn wara kompla jistudja t-Teoloġija f’Ruma u aktar tard ġab dottorat fil-filosofija mill-Università ta’ Krakow.

Fit-13 ta’ Ottubru tal-1964 kien ordnat Arċisqof ta’ Krakow u fis-26 ta’ Ġunju tal-1967 sar Kardinal. Kien f’Ottubru tal-1978 meta wara l-mewt ta’ Papa Pawlu VI, imbagħad ukoll bil-mewt ta’ Ġwanni Pawlu I, Karol Wojtyla ġie elett Papa. Kellu biss 58 sena. Hu kien inawgurat Papa fit-22 ta’ Ottubru fejn dakinhar kien poġġa l-ħidma tiegħu taħt it-titlu “Totus Tuus”. Il-pontifikat tiegħu kien it-tieni l-iżjed twil fl-istorja tal-papiet. Żar 129 pajjiż u bbeatifika 1,340 persuna u kkanonizza 483 qaddis. Kiteb 14-il enċiklika kif ukoll kellu rwol importanti fil-waqgħa tal-Komuniżmu.

Kien fit-13 ta’ Mejju tal-1981 meta kien hemm l-attentat fuq ħajtu fi Pjazza San Pietru f’Ruma. Minkejja dan hu xorta rnexxielu jsalva tant li kien miet fit-2 ta’ April tal-2005. Papa Benedittu XVI, f’Diċembru tal-2009, kien għamlu venerabbli u ġie bbeatifikat fl-1 ta’ Mejju ta’ sentejn wara.

Fis-27 ta’ April 2014, dakinhar ukoll taħbat il-Festa tal-Ħniena Divina, kien iddikjarat qaddis fi Pjazza San Pietru minn Papa Franġisku.

Sport