Għal darba oħra, pajjiżna se jospita l-Expo tas-SiGMA, avveniment li se jġib flimkien mijiet ta’ rappreżentanti u kumpaniji li joperaw fl-industrija tat-teknoloġija avvanzata bħalma hi dik tal-iGaming. Dan l-avveniment se jingħata bidu għalih b’konferenza li mistenni jattendu għaliha l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u l-Fundatur ta’ SiGMA Group Eman Pulis.

Is-SiGMA Euro-Med hija vetrina ta’ kollaborazzjoni u ambizzjoni li timmarka impenn tal-esperjenza kreattiva li fuqha se jkun iffokat il-futur. Il-kobor ta’ dan l-avveniment, li se jsir fil-Mediterranean Maritime Hub (MMH) fil-Marsa, jidher mill-fatt li mistennija jattendu 12,000 delegat u aktar minn 400 esebitur u sponsors.
Dan l-avveniment għandu rwol kruċjali biex jimbotta ’l quddiem l-ekonomija Maltija. Tant li fl-edizzjoni tas-sena l-oħra, kien ikkontribwixxa fl-ekonomija aktar minn 100 miljun ewro fi dħul mit-turiżmu u kif ukoll kien ta’ appoġġ għal aktar minn 950 impjieg f’diversi setturi.

Rappreżentanti tal-midja lokali lbieraħ iddawru mal-faċilitajiet u ngħataw tagħrif dettaljat ta’ kif se tkun qiegħda titmexxa s-SiGMA Euro-Med ta’ din is-sena, li tiġi fi tmiemha proprju għada.

F’kummenti li tat lill-midja, Emily Micallef, il-Kap Eżekuttiv ta’ SiGMA, enfasizzat dwar l-importanza ta’ SiGMA għall-ekonomija lokali u dan hekk kif qed ikompli jiżdied l-interess mill-kumpaniji barranin biex jiġu u jiftħu uffiċini f’pajjiżna. Micallef ħabbret ukoll li bħalissa hemm erba’ kumpaniji li qed ifittxu biex jiftħu l-uffiċċju tagħhom f’Malta.