Sunday, December 22, 2024

“Illum il-pajjiż kollu jinsab lura għan-normalità … anke fis-settur edukattiv”

Intervista mal-Ministru tal-Edukazzjoni, Clifton Grima

Aqra wkoll

Mil-lum reġgħu bdew deħlin lura għax-xogħol l-edukaturi kollha ta’ Malta u Għawdex biex jippreparaw għas-sena skolastika l-ġdida 2022-2023. Jumejn wara jkun imiss li jidħlu l-istudenti. Din is-sena skolastika ġdida hija waħda partikolari minħabba li hekk kif ikkonferma l-Ministeru tal-Edukazzjoni, wara sentejn ta’ sfidi kkawżati mill-pandemija tal-Covid-19, din se tkun l-ewwel darba li t-tfal u anke l-edukaturi se jirritornaw fl-ambjent l-aktar imdorrijin bih, jiġifieri dak normali. Din is-sena skolastika fil-fatt, se tkun bla protokolli ta’ restrizzjonijiet ta’ maskri u distanzi soċjali fost l-oħrajn.

Dan is-sit tkellem mal-Ministru tal-Edukazzjoni, Clifton Grima, dwar x’miżuri se jittieħdu din is-sena, dettalji ta’ kif marru l-iskejjel fil-kontroll tal-imxija, x’effetti ħalla l-Covid-19 fuq l-edukazzjoni ta’ wliedna, proġetti, kif ukoll x’diffikultajiet fost l-edukaturi se jindirizza inklużi dawk tal-klima fil-klassijiet u ta’ riżorsi umani.

Mill-ġimgħa d-dieħla se tibda s-sena skolastika l-ġdida. Tul din is-sena, se jkun hemm protokolli kif kien hemm fis-snin ta’ qabel fejn jidħol Covid-19?

Matul is-sentejn ta’ pandemija ddaħħlu għadd sostanzjali ta’ miżuri preventivi biex bħala pajjiż nilqgħu u nipprevjenu t-tixrid tal-COVID-19. Dawn iddaħħlu f’kull settur, inkluż fis-settur edukattiv. Il-miżuri fis-settur edukattiv fl-ewwel sena tal-pandemija ddaħħlu b’investiment ta’ iktar minn €37 miljun aktar fuq in-nefqa rikurrenti minn dak li kien allokat fil-baġit għall-Edukazzjoni. Bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri, l-iskejjel ma damux magħluqin u b’hekk poġġejna prijorità assoluta fit-tfal biex dawn ma jitilfux mit-tagħlim fl-iskejjel.

F’Mejju li għadda, pajjiżna kompla jnaqqas ir-restrizzjonijiet tal-pandemija u ftit wara tneħħew ir-restrizzjonijiet kollha. Din it-triq lejn in-normalità sħiħa wara sentejn ta’ pandemija setgħet issir bis-saħħa tal-programm effettiv ta’ vaċċinazzjoni, li kien fost l-aktar b’saħħtu fl-Ewropa.

Illum il-pajjiż kollu jinsab lura għan-normalità, normalità anke fis-settur edukattiv. Dan ifisser li wara sentejn ta’ miżuri li ttieħdu, is-sena skolastika li jmiss se tkun mingħajr protokolli kif kien hemm fis-snin ta’ qabel u li kienu marbuta mal-prevenzjoni tat-tixrid tal-Covid-19.

Hawnhekk irridu nsemmu li bħalma sar kull sena, din is-sena wkoll id-Dipartiment tal-Edukazzjoni se jiġbed l-attenzjoni ta’ kull Kap tal-Iskola dwar l-importanza tal-iġene, b’rabta mal-Influwenza. Nafu x-xitwa ġġib magħha l-irjiħat u għalhekk infakkru lil kulħadd fl-importanza li wieħed jieħu ħsieb saħħtu.

Din hija marbuta mal-prattika normali ta’ indafa, l-importanza li wieħed jaħsel idejh, l-importanza li jekk student iħossu ma jiflaħx, jieħu l-prekawzjonijiet stabbiliti, b’mod ġenerali, l-importanza tal-prattiċi iġeniċi tajbin biex jiġi evitat it-tixrid tal-influwenza. Qegħdin isiru wkoll preparamenti biex jagħmlu kampanja dwar iġene personali – li huwa suġġett mgħallem fl-iskejjel imma jridu jkabbru wkoll l-importanza li wieħed jieħdu ħsieb l-iġene personali u saħħtu.

Kif marru l-iskejjel s-sena l-oħra fejn jidħol kontroll tal-imxija?

Tajjeb li nfakkru li l-protezzjoni tal-istudenti u l-għoti tat-tagħlim baqgħu l-għan prinċipali tal-Ministeru meta faqqgħet il-pandemija. Mall-ewwel bdiet ħidma biex li l-bżonn globali li jingħalqu l-iskejjel, anke f’Malta, ma jkunx ta’ detriminet għall-edukazzjoni ta’ wliedna. Kien hemm diskussjonijiet u proċessi li wasslu biex qabel il-ftuħ tal-iskejjel ġew implimentati aktar minn 50 miżura f’kull skola bil-għan li jħarsu lill-edukaturi u studenti mit-tixrid tal-virus.

Aktar milli mitlub minnha, il-Ministeru qabbad assessuri independenti u reġistrati mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol ta’ pajjiżna li spezzjonaw l-iskejjel kollha biex jiċċertifikaw li dak preskritt fil-linji gwida ġie fil-fatt implimentat f’kull skola. Dan wassal għall-ftuħ tal-Iskejjel u Istituzzjonijiet statali madwar il-pajjiż biex ingħata bidu għas-sena skolastika 2020/21.

Permezz ta’ dawn, Malta kienet minn tal-ewwel li fetħet l-iskejjel tagħha u kienet kważi l-unika pajjiż li l-iskejjel u servizzi oħra li jingħataw, fosthom Childcare, baqgħu miftuħin matul is-sentejn tal-pandemija.

Is-sena skolastika 2021/2022 kienet ukoll waħda normali bħala ftuħ tal-Iskejjel u Istituzzjonijiet Edukattivi. Dan juri li l-miżuri li ttieħdu, l-attenzjoni li kien hemm u wkoll is-sagrifiċċji li saru minn dawk kollha involuti, mhux lanqas l-edukaturi, il-ġenituri u l-kustodji tal-istudenti u fuq kollox l-istudenti nfushom, taw il-frott tagħhom u kienu effettivi.

Tħossu li s-sentejn ta’ pandemija naqqset il-livell ta’ edukazzjoni fost l-istudenti u jekk iva, liema huma l-aktar etajiet irrapportati? Nafu li jsiru klassijiet ta’ reviżjoni. Tistgħu tgħidulna f’liema materja l-istudenti l-aktar qegħdin jieħdu dawn il-lezzjonijiet?

Ma nkunux realistiċi jekk ngħidu li l-pandemija ma affettwatx lis-settur edukattiv. Imma nkunu realistiċi jekk ngħidu li jekk ma ttieħdux il-miżuri li ttieħdu, kieku s-sitwazzjoni kienet tkun ferm differenti. Fil-pandemija dejjem tlaqna mill-punt li f’kulma jsir, ma kellux jeħel l-istudent – għalhekk tajna dejjem prijorità lill-uliedna.

Wara l-ewwel sena ta’ pandemija tajna ħarsa lejn kif kienet l-attendenza tal-istudenti fl-iskejjel u rajna r-rati tal-assenteiżmu. Studju intern li kien sar, juri li fl-attendenza matul is-sena skolastika 2020/2021 kien hemm numru għoli ta’ assenteiżmu minn numru sostanzjali ta’ studenti. Għalhekk, bdiet ħidma immedjata biex nirrimedjaw. Dan wassal għal aktar investiment dirett fl-istudenti u bdejna programm sħiħ ta’ rkupru fit-tagħlim u l-edukazzjoni ta’ wliedna, programm li huwa magħruf bħala “Summer Catch-up Sessions”.

Permezz ta’ dan il-programm, li huwa ko-finanzjat minn fondi Ewropej, ġew provduti lezzjonijiet addizzjonali għall-istudenti fil-Primarja u s-Sekondarja biex jingħataw l-opportunità li jirrevedu dak li tgħallmu matul is-sena skolastika. Programm li jassisti lil dawn l-istudenti li matul din il-pandemija sabuha aktar diffiċli biex ikomplu bit-tagħlim tagħhom.

Il-programm jinkludi varjetà ta’ attivitajiet akkademiċi minn lezzjonijiet tal-Matematika, l-Ingliż, il-Malti u x-Xjenza għal attivitajiet maħsuba biex jibnu l-karattru u l-personalità tat-tfal. Dan kompla wkoll għat-tieni sena matul is-sajf li għadda u jkopri studenti ta’ bejn l-Ewwel Sena u l-Għaxar Sena Skolastika.

Il-programm ta’ lezzjonijiet li għamilna kemm is-sena li għaddiet, kif ukoll din is-sena kellu rispons tajjeb ħafna kemm mill-istudenti u wkoll mill-għalliema li stqarrew li raw progress sinjifikanti mill-istudenti li attendew.

Hemm xi tibdil jew proġetti partikolari għal din is-sena skolastika?

L-edukazzjoni huwa settur ħaj u dinamiku u li dejjem jimxi maż-żminijiet. Proġetti f’dan is-settur ikun hemm dejjem, kif hemm għal din is-sena skolastika. Se jitkompla l-proġett estensiv tal-infrastruttura edukattiva, b’investiment bla preċedent u li qiegħed jara t-titjb ambjentali f’diversi skejjel, rinovar ta’ oħrajn u l-bini ta’ skejjel ġodda. Dan huwa proġett kontinwu li jkompli għaddej matul is-sena kollha.

Bħala investiment infrastrutturali bħalissa għaddejjin 27 proġetti maġġuri tal-Fundazzjoni tal-Iskejjel t’Għada b’investiment ta’ €135,850,000. Ma ninsewx ukoll il-miżuri marbuta mal-edukazzjoni li jitħabbru fil-baġit u fuq kollox dak li twiegħed fil-manifest elettorali marbut ma’ dan is-settur. Wegħdi li għaddejja ħidma fuqhom biex ukoll ikunu implimentati, wegħdi elettorali hemm x’jitwettaq għax għandna pjan ta’ ħames snin.

L-ewwel prijorità tagħna tibqa’ li l-familji Maltin u Għawdxin ikollhom l-aqwa għodod biex uliedhom jirnexxu fl-iskola u li l-istudenti jkollhom kull opportunità possibbli biex iwettqu l-ħolm tagħhom kemm akkademiku, kif ukoll għall-futur tagħhom. Fil-Ministeru hemm tim iddedikat li qiegħed jara li nressqu lil dan is-settur ‘il quddiem. Din hija ħidma li l-bażi tagħha hija d-diskussjoni li twassal għal implimentazzjoni. L-għan aħħari tagħna huwa li nkomplu nibnu sistema li tgħin aħjar lill-istudenti kollha jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ filwaqt li jilħqu l-aspirazzjonijiet kollha tagħhom.

Hemm xi diffikultajiet/ilmenti mill-edukaturi li l-Ministeru se jindirizza fil-futur viċin fosthom airconditioners fil-klassijiet tal-iskejjel kollha u riżorsi umani?

Fejn jidħlu l-edukaturi, aħna dejjem nagħrfu li s-suċċess ta’ wliedna jiddependi mill-kontribut imprezzabbli li jagħtu l-edukaturi tagħna. Sar titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u kommessi li jkun hemm aktar titjib li jirrifletti r-responsabilitajiet li jġorru.

Fl-aħħar snin l-edukaturi bbenefikaw minn wieħed mill-aqwa pakketti ta’ żieda fil-pagi. Minkejja dan, xorta waħda tinħass il-ħtieġa li l-pagi għandhom jogħlew meta mqabbel mal-livell tax-xogħol u r-responsabilità li għandhom. Il-ftehim settorjali u dak kollettiv waslu biex jiġġeddu u fuq quddiem fejn jidħlu l-edukaturi se naraw li jkun hemm titjib sinifjikanti ieħor fil-pagi tal-edukaturi matul il-ħames snin li jmiss.

Bħalissa għaddejja ħidma billi l-Malta Union of Teachers (MUT) qiegħda tiġbor il-feedback tagħha mingħand l-edukaturi. Aħna qegħdin niġbru l-feedback tagħna ħalli f’Jannar nibew id-diskussjonijiet.

Għalina l-edukaturi u r-rappreżentanti tagħhom huma msieħba importanti li għandhom il-futur ta’ wliedna għal qalbhom u nirringrazzjaw lill-edukaturi tad-dedikazzjoni kbira li juru ma’ wliedna.

L-airconditioners fl-iskejjel huma parti mill-proġett ta’ ħidma li għaddejja u ma ninsewx li l-installazzjoni ta’ air conditioners fl-iskejjel tal-Istat huwa proġett mibdi minn dan il-Gvern. Sal-lum kellna 31 istituzzjoni edukattiva tal-Gvern li ġew mgħammra b’ACs, kollha f’dawn l-aħħar ħames snin. Qegħdin isiru studji preliminari fuq l-iskejjel kollha tal-Istat biex ikun hemm stampa sħiħa tan-natura tax-xogħol meħtieġ minhabba li dawn ivarjaw minn skola għall-oħra, minn binja għal oħra.

Hemm diversi kwistjonijiet tekniċi li jeħtieġ li jiġu kkonsidrati, speċjalment fl-infrastruttura ta’ bini antik, fejn hemm problemi potenzjali ta’ provvista insuffiċjenti tal-elettriku li jfisser li jeħtieġ li jinbnew sub-stations ġodda. Dawn kollha jkunu suġġetti għall-permessi kif ukoll għar-regoli u l-proċeduri tal-finanzjament (procurement).

Hemm l-installazzjoni ta’ ACs fis-Sekondarja u Medja tal-Ħandaq b’baġit stmat li jaqbeż it-€2 miljuni bl-installazzjoni ta’ madwar 570 unit. Skejjel li se jsir rinnovament sħiħ fihom se jkunu mgħammra bl-arja  kundizzjonata. Dawn jinkludu l-Iskejjel Primarji ta’ Ħal Għaxaq u tan-Nadur li fihom se jsir xogħol b’investiment kapitali ta’ madwar €8 miljun matul is-sena kurrenti.

Ekonomija

Sport