Sunday, April 14, 2024

L-EWWEL PM MARA FL-ITALJA

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

L-Italja sejra jkollha l-ewwel prim ministru mara. Dan minhabba li Giorgia Meloni, l-mexxejja tal-Fratelli d’ Italia, se tkun qiegħda tmexxi l-alleanza leminija. Din l-alleanza mistennija tkun iffurmata minn appuntu l-Fratelli d’Italia, mill-Forza Italia ta’ l-ex prim ministru Silvio Berlusconi u mill-Lega li hija mmexxijja minn Matteo Salvini.

Min hija Giorgia Meloni?

Giorgia Meloni twieldet fl-1977 ġewwa Ruma , ezattament gewwa z-zona maghrufa bhala Garbatella, żona li fiha jgħixu ħafna ħaddiema manwali. Meloni hija ‘single mother’ ta’ tifla. Missierha kien minn Sardenja filwaqt li ommha kienet Siċiljana. Missierha, li bħal ħafna mir-residenti tal-Garbatella, kien iħaddan politika xellugija, telaq lil familtu meta Giorgia kellha biss madwar sena. Min-naħa taghha, ommha kienet tappoġġja partiti tal-lemin. 

Fil-fatt, ċertu ħbieb tagħha jgħidu li jissuspettaw li kienet bħala tpattija lil missierha li Giorgia, meta kellha 15-il sena, ngħaqdet mal-Fronte della Gioventu’, li kienet il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Movimento Sociale Italiano, partit b’tendenzi neo-faxxisti li kien ġie mwaqqaf minn Giorgio Almirante, politiku faxxista li kien serva bħala ministru ta’ Mussolini. 

Skont Meloni, hija kienet ġiet imħajra li tidħol fil-politika minħabba dak li kien qiegħed jiġri ġewwa l-Italja f’dik il-ħabta, meta fil-bidu tas-snin disgħin kien hemm il-waqgħa tal-hekk imsejha ‘L-ewwel Repubblika’, is-sistema politika li kienet addottat l-Italja wara appuntu il-waqgħa tal-faxxiżmu. It-tmiem ta din l-ewwel esperjenza demokratika Taljana wara l-Gwerra kien seħħ minhabba l-korruzjoni lampanti li kienet ħakmet kull sfera tal-ħajja ġewwa l-Italja u l-influwenza Mafjuża li kienet tinħass kważi f’kull saff politiku.

Fl-1994, bdiet ir-relazzjoni politika ta’ Meloni ma’ Silvio Berlusconi li kien sar għall-ewwel darba l-prim ministru tal-Italja wara li kien għamel alleanza mal-Lega Nord, kif kien magħruf il-partit li illum huwa mmexxi minn Salvini u appuntu mal-Alleanza Nazzjonali li fih kienet attiva ħafna Meloni. Din ir-relazzjoni kompliet tissaħħaħ fit-tieni gvern ta’ Berlusconi li kien magħmul mill-istess alleanza u li reġa’ ħa t-tmexxija tal-pajjiż fl-2001 wara li l-ewwel term fil-gvern ta dawn it-tliet partiti kien dam biss sena.

Fl-2004, Meloni kienet ġiet maħtura bħala l-president taz-żgħażagħ tal-Allenza Nazzjonali, il-partit li ħareġ mill-Movimenti Sociale Italiano. Fl-2006, hija kienet saret l-iżgħar politiku li kien ħa l-kariga ta’ deputy speaker tal-kamra tar-rappreżentanti. Fl-2006, fit-tielet gvern immexxi minn Silvio Berlusconi, Meloni nghatat l-ewwel kariga ministerjali taghha meta giet mahtura bhala l-ministru taż-żgħażagħ.

L-2009 kienet is-sena li fiha spicca l-partit tal-Alleanza Nazzjonali. Fl-2012, Meloni kienet waħda mill-fundaturi tal-Fratelli d’Italia. Fl-2020, Meloni ġiet maħtura bħala l-president tal-Konservattivi u Riformisti Ewropej.

Il-Fratelli d’ Italia

Fl-ewwel sfida elettorali tiegħu, jiġifieri fl-elezzjoni ġenerali tal-2018, il-Fratelli d’Italia kien ġab biss madwar 4% tal-voti mitfugħa. Però, il-partit mill-ewwel beda jingrana għaliex fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew li kienet saret madwar sena wara, kien mar ħafna aħjar. 

Mill-2019 ‘l hawn, Meloni ħadmet mhux ftit sabiex tagħti immaġni aktar moderna lill-partit tagħha fejn waslet saħansitra sabiex tiddikjara pubblikament li l-faxxiżmu jappartjeni biss għall-passat. Minkejja dan, Meloni rrifjutat li tneħħi s-simbolu tal-fjamma bil-kuluri tal-bandiera Taljana gewwa fiha li ħafna jassoċjaw mal-fjamma li hemm fuq il-qabar ta’ Benito Mussolini. Flimkien ma’ dan, Meloni żammet il-motto faxxista għall-partit tagħha, jigifieri dak ta’ ‘Alla, l-familja, u l-patria’.

U-turns ta’ konvenjenza

L-ideoloġija leminija u konservattiva tal-Fratelli d’Italia tagħmel lill-maġġoranza tal-membri ta’ dan il-partit kontra l-abort, kontra d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u fuq kollox kontra l-immigrazzjoni illegali.

Konvenjentament, matul din il-kampanja elettorali, Meloni ddikjarat li hija ma kinitx sejra tmiss id-dritt tal-abort u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ. Mhux l-istess jista’ jingħad għal kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni illegali fejn Meloni kemm-il darba ddikjarat li hija tixtieq li timmobilizza l-flotta navali Taljana sabiex tieħu lura lejn pajjiżhom lill-immigranti illegali li jiġu mill-Afrika. Hija ddikjarat ukoll li mhijiex lesta li tagħti ċ-ċittadinanza lit-tfal li jitwieldu ġewwa l-Italja minn ġenituri barranin u li tixtieq tnaqqas l-benefiċċji li jgawdu l-barranin li jgħixu ġewwa pajjiżha.

Meloni u l-Unjoni Ewropea

Minkejja li Meloni hija alleata ta’ politiċi bħall-Prim Ministru Ungeriż, Victor Orban, politici li kemm-il darba marru kontra l-kurrent ġewwa l-Unjoni Ewropea, hija taħsibha b’mod differenti minn Orban u anke minn Berlusconi u Salvini fuq Putin. Meloni minn dejjem kienet konsistenti kontra l-invażjoni tal-Ukrajna. Dan jawgura tajjeb sabiex tibqa’ għaddejja l-kollaborazzjoni bejn l-Italja u l-Unjoni Ewropea sabiex l-Italja tieħu l-flus li ġew allokati lilha mill-Ewropa bħala parti mill-pjan ta’ fejqan mill-Covid-19.

Il-Kabinett ta’ Meloni

Sabiex tkompli tibni pedamenti sodi sabiex tkun tista’ taħdem mingħajr xkiel mal-Unjoni Ewropea, Meloni qiegħda timbotta lil diversi personaġġi pjuttost moderati u rispettati fl-isfera politika internazzjonali sabiex iservu bħala ministri prospettivi tagħha. Fost dawn hemm Giulio Terzi di Sant’ Agata, li mistenni jkun il-ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Giorgia Meloni wara li diġà kien serva f’din il-kariga fil-gvern immexxi minn Mario Monti bejn 2011 u l-2013. Politiku ieħor li mistenni jiehu kariga ministerjali huwa Fabio Panetta li mistenni jiġi maħtur bħala l-ministru tal-finanzi l-ġdid tal-Italja. Politiku ieħor li qiegħed jissemma għal din il-kariga huwa Luigi Buttiglione. Meloni mistennija wkoll iżżomm xi ministri minn dawk li għadhom kemm servew taht Mario Draghi, bl-aktar wieħed li huwa qrib ta’ Meloni huwa Roberto Cingolini li mistenni jżomm il-kariga ta’ ministru għall-ambjent.

Dak li qiegħed jiġri ġewwa l-Italja m’huwa xejn għajr kontinwazzjoni tax-xejra li qegħdin naraw bħalissa ġewwa l-Ewropa, jiġifieri li n-nies qegħdin iħossuhom diżillużi bil-partiti tradizzjonali u li issa huma lesti li jippruvaw dak li għadu ma ġiex ippruvat. Li huwa żgur huwa li dan mhuwiex il-mument adattat għall-esperimenti elettorali għall-poplu Taljan. L-Italja diġà ngidmet bil-kbir bil-Movimento Cinque Stelle, partit li kien kaxkar lil kulħadd fl-elezzjoni ġenerali ta’ qabel din u falla bil-kbir minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza fit-tmexxija, nuqqas ta’ esperjenza li għandhom ukoll dawk tal-Fratelli d’Italia minkejja l-islogan li għażlu għal din l-elezzjoni jiġifieri dak ta’ ‘pronti’ jew ‘aħna lesti’.

Ekonomija

Sport