Sunday, November 24, 2024

Illum issir ir-Regatta tal-Vitorja … jekk it-temp jippermetti

Aqra wkoll

Illum, fil-Port il-Kbir issir ir-Regatta tal-Vitorja hekk kif l-interess qed jerġa’ jikber għal dawn it-tiġrijiet tradizzjonali. 

Bħas-soltu, ir-Regatta se tkun maqsuma f’żewġ kate­goriji – dik Open u dik “B”.  Bħas-soltu, dan l-avveniment jiftaħ bit-tiġrija tal-frejgatini tan-nisa. 

Fl-aħħar edizzjoni, dik tal-2022,  Bor­mla reġgħu rritornaw għad-dominanza hekk kif rebħu d-double. Kien f’dik preċedenti li Marsa (2020) rebħu l-Aggregate Shield biex waqqfu l-monopolju ta’ Bormla li kienu ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi. 

L-istess f’Kategorija B, wara erba’ snin infila mirbuħa minn Bormla, kienu Birżebbuġa (2020) li taw skoss lill-Bormliżi biex kien it-tieni suċċess tagħhom wara li kienu rebħu dik tal-2008. 

Ta’ min isemmi wkoll li fl-2021 ir-regatta ma’ saritx minħabba l-Covid-19.

Bħas-soltu tmien timijiet  se jieħdu sehem f’din ir-regatta li jinkludu lil Birżebbuġa, Isla, Birgu, Marsamxett, Marsa, Kalkara u Siggiewi, b’dawn tal-aħħar tkun it-tieni darba li jkunu qed jieħdu sehem.

F’komunikat, l-Għaqda Regatta Naz­zjonali qalet li r-Regatta għadha uffiċjalment skedata (għal-lum).  Hija sostniet li l-clubs parteċipanti se jiltaqgħu filgħodu sabiex isir assesjar tas-sitwazzjoni u tittieħed id-deċiżjoni finali. Dan sar minħabba l-maltemp li laqat il-Gżejjer Maltin matul dawn l-aħħar jiem.  

L-ewwel tiġrija tibda fis-1.00 pm.

Sport