Monday, May 13, 2024

IL-FESTI NAZZJONALI F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Illum qed jiftakkar it-8 ta’ Settembru bħala festa nazzjonali li għandha sinjifikat importanti fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan il-jum ifakkar waħda mill-akbar ġrajjiet tal-gżejjer Maltin meta l-poplu flimkien mal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann għelbu l-invażjoni mill-Ottomani.

Dan il-jum ifakkar ukoll jum il-Vitorja, it-twelid ta’ Marija Bambina, li tiġi ċċelebrata f’erba’ lokalitajiet f’pajjiżna – in-Naxxar, l-Isla, il-Mellieħa u x-Xagħra, Għawdex. Dan l-istess jum għadu mwaħħal fil-fond ta’ qalb il-Maltin anke minkejja li minn fuq din il-ġrajja għaddew 458 sena. 

Pajjiżna għadu sal-lum jiċċelebra ħames festi nazzjonali inkluża t-8 ta’ Settembru. Sa ftit snin ilu kien tqanqal dibattitu jekk pajjiżna għandux jibqa’ b’ħames festi nazzjonali minflok waħda li tgħaqqad lill-pajjiż kollu. 

Ma rridux nidħlu fil-mertu ta’ liema mill-ħamsa għandha tkun il-jum nazzjonali tagħna għaliex il-ħames festi għandhom is-sinjfikat u l-istorja tagħhom magħġuna fil-kultura u l-ġrajja twila u rikka ta’ pajjiżna.

Dan ukoll jirrikjedi dibattitu serju u profond bejn is-setturi kollha tas-soċjetà Maltija jekk verament irridu li jkun hemm kunsens dwar l-għażla ta’ jum nazzjonali wieħed. Tkun xi tkun id-deċiżjoni, din għandha tibqa’ f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi. 

Nemmnu illi bl-għażla ta’ jum nazzjonali wieħed ma jfissirx li b’xi mod jitnaqqas is-sinjifikat storiku tal-erba’ jiem nazzjonali l-oħra. Anzi dawn għandu jibqa’ jkollhom l-importanza li dejjem kellhom. 

Id-diskussjoni trid tkun waħda wiesgħa kemm jista’ jkun u tkun ‘il bogħod mill-attiviżmu politiku partiġġjan. Imma d-diskussjoni jew dibattitu jrid ikun wieħed li jagħmel sens u li jkun jixraq għaż-żminijiet tal-lum.  

Nemmnu li kull festa nazzjonali għandha b’xi mod rabta mal-iżvilupp politiku, soċjali u kulturali ta’ pajjiżna. U dan ipoġġi responsabbiltà kbira fuq il-poplu jekk u meta jista’ jiġi msejjaħ biex jagħżel liema jum nazzjonali jrid. Nifhmu wkoll li l-għażla hija waħda diffiċli. 

Madankollu, jum it-8 ta’ Settembru, Jum il-Vitorja, għandu jibqa’ jiġi ċċelebrat f’għożża u r-rispett li għandhom jingħataw lill-festi nazzjonali kollha ta’ pajjiżna.

Sport