Monday, December 23, 2024

Illum jingħata bidu għall-Fażi tal-Grupp tal-UEFA Champions League

Aqra wkoll

Illum jingħata bidu għall-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League b’żewġ programmi, bit-tieni wieħed jintlagħab għada.

Bla dubju, l-attenzjoni prinċipali tkun fuq iċ-ċhampions renjanti, Chelsea, li jibdew id-difiża tat-titlu billi jospitaw lir-Russi ta’ Zenit St Petersburg.

Mill-istess grupp, dak H, Juventus imorru l-Isvezja jilagħbu għand Malmo.

Iżda l-aqwa konfront għandu jkun minn Grupp A, bejn Barcelona u Bayern Munich li żgur ma għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni fix- xena Ewropea.

Partita oħra mill-aktar mistennija hija dik ta’ għada bejn Liverpool u Milan.

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa fil-kampjonat domestiku iżda l-moral ta’ Liverpool mhuwiex daqs­tant għoli hekk kif għadu trawmatizzat mill-injury ta’ Harvey Elliot (kontra Leeds) li se jitlef il-kumplament tal-istaġun.

Min-naħa tar-Rossoneri, dawn mistennija li jibdew mill-bidu lil Franck Kessie u lil Zlatan Ibrahimovic li mpressjonaw fir-rebħa ta’ 2-0 fuq Lazio  li issa jinsabu f’sikkithom għal kollox.

Attrazzjoni oħra hija dik ta’ Cristiano Ronaldo ma’ Manchester  United  li minn Grupp F, imorru għand Young Boys tal-Isvizzera.

Logħba oħra interessanti hija bejn Inter u Real Mad­rid hekk kif fil-kampjonati rispettivi kellhom riżultati mħallta. Filwaqt li n-Nerazzurri sfaw miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Sampdoria, il-Madrileni għelbu lil Celta Vigo 5-2.

It-team l-ieħor Ingliż, dak ta’ Manchester City, m’għandux ifalli meta jilqa’ lill-Ġermaniżi ta’ Leipzig. Filwaqt li huma ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 għand Leicester, Leipzig ġejjin minn telfa kbira f’darhom ta’ 4-1 kontra Bayern Munich.

Ekonomija

Sport