Saturday, March 22, 2025

Illum jingħata l-aħħar tislima l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona … “Kien jgħix għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà”

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa l-aktar aħbar li kkaratterizzat il-media soċjali żgur li kienet il-mewt tal-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona fl-età ta’ 79 sena, l-Arċisqof li proprju llum se jkun qed jingħata l-aħħar tislima, u li ħalla impatt kbir fis-soċjetà Maltija u żgur f’ħafna nies oħra li ltaqgħu miegħu personalment. L-ewwel messaġġ ta’ Cremona meta kien laħaq Isqof kien: “Għalikom jien Isqof, magħkom jien nisrani. Aħna lkoll midinbin, ejja nimxu mixja spiritwali flimkien”. Huwa kien innominat Arċisqof ta’ Malta fit‑2 ta’ Diċembru 2006 u ħa l‑pussess ta’ Arċisqof fis‑26 ta’ Jannar 2007. Huwa rtira minn Arċisqof fit‑18 t’Ottubru 2014, fl‑età ta’ 68 sena.

Iżda issa, li l-bnadar fuq binjiet pubblici u ekkleżjastiċi qegħdin jittajru mezz’asta matul dawn il-ġranet, nistgħu biss insemmu l-memorji sbieħ li ħalla fil-Knisja Maltija, memorji mnaqqxa wkoll f’ħafna saċerdoti li kellhom ix-xorti jiltaqgħu u anke jaħdmu mill-qrib miegħu.

Tkellimna fosthom ma’ Fr Jimmy Bonnici li kien maħtur mill-Arċisqof Emeritu nnifsu bħala Rettur tas-Seminarju tal-Arċisqof, u li hu stess kien qrib ħafna tas-Seminarju li hu l-qalba tal-Knisja u wkoll tas-Seminaristi, li kien iżurhom spiss fil-mixja tagħhom li matulha jkunu qed jiffurmaw ruħhom biex isiru saċerdoti. Meta tlabna kif dan jiddeskrivih hu qalilna li “Mons. Pawlu Cremona, kien persuna qrib ħafna u persuna li jinkoraġġixxi, qrib għall-fatt li kien jiġi u jiltaqa’ mas-Seminaristi, kien anke jkellimhom wieħed wieħed, mhux biss biex isir jafhom, imma wkoll biex ifittex li jinkoraġġixxi u jibni l-kwalitajiet li hemm bżonn f’dak il-qassis.”

Huwa kien lest li jakkumpanja, li jindika, kif wieħed eżempju jifforma aħjar biex ikun jista’ jiċċelebra tajjeb, u kellu din “l-idea, anke mill-esperjenza tiegħu stess li hu kiseb mill-parroċċa, li inti trid timxi pass pass. Hemm min trid tgħinu iżjed għax trid tikkunsidra tfal u żgħażagħ li jkunu għadhom ’il bogħod mill-parroċċa, biex inti tgħinhom iżjed japprezzaw il-Quddiesa.” Jitlob ukoll li jkun hemm ċertu simpliċità fil-mod li wieħed jiċċelebra l-Liturġija, u tinduna li “għandu dak l-apprezzament pastorali, ta’ fejn qegħdin in-nies u kif tipprepara tajjeb ħalli tgħinhom jersqu iżjed lejn Alla.

Bla dubju din kienet telfa kbira għall-Knisja li fi kliem Fr Jimmy, L-Arċisqof Emeritu kien bniedem “maħbub u li jħobb, allura għandek dik it-telfa ta’ persuna sabiħa, imma li fl-istess ħin, aħna u ngħixu din it-telfa, telfa li ġġib magħha n-niket, hemm ukoll sens ta’ apprezzament, għax qisu ċertu kwalitajiet li kien jgħożż, u ċertu mod ta’ kif kien jittrażmetti l-imħabba ta’ Alla, is-sempliċità, ir-rispett lejn il-persuni, l-ispiritwalità profonda, dawn kienu ħarġu iżjed fil-beraħ, allura hemm ukoll dan l-apprezzament li jiena ħassejt mill-poplu Malti.” Huwa kompla jispjega li kull min iltaqa’ mal-Arċisqof Emeritu żgur li nnota dawn il-kwalitajiet għax kien “uman, patri Dumnikan li kien jgħix is-sempliċità, imma li dejjem kien jgħożż l-essenzjal tal-Vanġelu, kien persuna li ma kienx jgħaddi minn fejn xi ħadd u ma jagħtix l-attenzjoni u l-għajnuna tiegħu. Il-karità moħbija li kien jagħmel u qatt ma kien jiftaħar biha, u li min kien jirċeviha tant kienet prezzjuża għalih.” Għalhekk wieħed ma jridx jara biss it-telfa li ġarrabna, imma wkoll l-aspett taċ-ċelebrazzjoni tas-sabiħ li bħala saċerdot hu dejjem kien viċin u ħabb lin-nies.

Tkellimna wkoll ma’ Marco Cremona, li jiġi n-neputi l-kbir tal-Arċisqof Emeritu, u qalilna li kienu jiltaqgħu b’mod reliġjuż kull nhar ta’ Ħadd għand in-nanna li kienu jgħixu l-Belt. Jiftakar kif missieru kien jitla’ għalih ir-Rabat u jinżlu l-Belt biex ikunu jistgħu jieklu flimkien. Marco Cremona ddeskriva liz-ziju tiegħu bħala “bniedem uniku li baqa’ sal-aħħar sigħat ta’ ħajtu bid-daħka fuq wiċċu”, liema sigħat kienu żgur ta’ dieqa għall-familja Cremona, iżda mżewqa b’ħafna memorji sbieħ. Dan in-neputi qal li l-Monsinjur Pawlu Cremona kien iz-ziju li miegħu huma setgħu jiftħu qalbhom meta kienu jaffaċjaw xi problemi fil-ħajja tagħhom, u kien jieqaf mix-xogħol tiegħu anke jekk kien impenjattiv ħafna, u kien ikellimhom u dejjem jagħti pariri tajbin ta’ kif għandhom jimxu. Hu stess kien imur diversi drabi għandu għax kif jirrakkonta hu “kont inħoss mhux biss li jismagħni, imma kien ukoll ma jiġġudikax, kont naf li ngħidlu x’ngħidlu, anke affarijiet li ma kienx forsi qed jistenniehom mingħandi, naf li mhux ser jirrabja, jew ser jagħtini tbeżbiża jew hekk. Kont naf li ser jgħini nsib is-soluzzjoni.”

Isemmi wkoll meta kien ser jagħmel il-Griżma tal-Isqof, li nafu li rridu nagħżlu parrini li jmexxuna kemm spiritwalment, imma anke jekk il-ġenituri jiġu neqsin iridu jieħdu ħsiebna anke fiżikament, u kif hu anke minn età ċkejkna ried liz-ziju tiegħu, kif sejjaħlu hu “lil Uncle Paul ridt, u fl-aħħar mill-aħħar lil Uncle Paul kelli bħala parrinu.” Iżda minkejja li kien sar Arċisqof huwa jgħidilna li xorta waħda kien baqa’ viċin in-nies, tant li kien jinteressah minn ħajjithom u jibqa’ jiftakar x’kienu qalulu li hi xi ħaġa li lil Marco Cremona kienet timpressjonah.

Kienet ukoll ħasda meta saru jafu bħala familja li ser ikun hu l-Arċisqof ta’ Malta, tant li lanqas hu stess ma kien stennieha. Din kienet bħala telfa għall-familja għax imbagħad ladarba kellu din it-tmexxija f’idejh kien qed ikun impenjat mhux ħażin, “anke l-ikliet ta’ nhar ta’ Ħadd naqsu.”

Huwa fuq iz-ziju tiegħu qal li kien “bniedem intelliġenti, ċajtier, ta’ tifel aktar iċ-ċajt kien jiġbidni, imma meta bdejt nikber kien ikollna diskussjonijiet important.” Jiftakar li zijuh kellu biża’ mit-teknoloġija, iżda li dan l-aħħar meta kien l-isptar kien irnexxielu jirrispondih wara li qara l-messaġġ tiegħu u kienet sorpriża għalih. Kien ħajru wkoll biex ikollu kompjuter u ma jibqax jittajpja bit-typewriter biex aktar jiffaċilita x-xogħol tiegħu. Marco baqa’ sal-aħħar imur iżuru u kienu jitkellmu fuq kollox; sports, familja, it-tfal, barra fuq l-uġigħ li kien għaddej minnu, u jaqsam magħna kif għalih kienet meravilja li speċjalment lejn l-aħħar ta’ ħajtu, anke jekk kien kollu pajpijiet, kien jara fih bniedem ferħan, ikompli man-nies u li kien baqa’ b’kuraġġ sal-aħħar minkejja t-tbatija li kien għaddej minnha.

Fost il-memorji sbieħ li jsemmi huma li l-Arċisqof Emeritu kien iħobb fost l-oħrajn, li jqatta’ l-ftit ħin liberu tiegħu billi jaqra xi komiks kif ukoll jilgħab il-waterpolo. Huwa jsemmi wkoll li kull nhar ta’ Sibt kienu jħobbu jmorru jgħumu wkoll flimkien. Huwa ser jibqa’ jiftakar liz-ziju tiegħu bħala “raġel li ser jibqa’ jiftakar b’dik id-daħka sabiħa li timla l-qlub – raġel li żgur ħalla timbru f’qalb dawk kollha li xi darba tkellmu miegħu.”

L-Arċisqof Emeritu ħalla wkoll impatt fuq Patri Aaron Zahra OP, il-Pirjol tal-Kunvent Dumnikan fil-Birgu, fejn stqarr li apparti l-valuri sbieħ li kellu l-Arċisqof bħala uman, hu kien ukoll xempju tal-kariżma Dumnikana. Patri Aaron iddeskriva lil Monsinjur Pawlu Cremona bħala bniedem ta’ qalb kbira għaliex verament kien jgħix għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà u li jista’ jkun li m’għandhomx leħen. U dan mingħajr daqq ta’ trombi għax kien iħalli dawn l-atti dejjem mistura.

Bħala aħwa fil-Provinċja Dumnikana, li proprju meta kien ġie ordnat djaknu Fr Aaron Zahra kienet l-aħħar ordni presbiterali tiegħu, hu jiddeskrivih bħala l-Kappillan ta’ Malta aktar milli bħala l-Arċisoqf ta’ Malta, u jikkunsidrah hekk għax għalih “Kappillan ikun aktar qiegħed viċin in-nies, u bħala ragħaj tal-parroċċa, u jiena naħseb li din kienet karatteristika tal-episkopat tiegħu, għax hu kien viċin ħafna tan-nies, jekk tara l-viżti pastorali tiegħu, kienu vera profondi. Eżempju ma kienx imur jiltaqa’ mal-Kunsill Pastorali tal-Parroċa, iqaddes il-Quddiesa u jitlaq, imma anzi kien imur fil-każini tal-futbol, fil-każini tal-baned u l-festi, fil-każini tal-klabb tal-boċċi. Kien jiltaqa’ ma’ kulħadd, anke fl-iskejjel. Jiġifieri l-viżti pastorali tiegħu kienu karatteristiċi importanti u dik il-kariżma tiegħu rnexxielu jittrażmettiha kull fejn kien ikun imma b’mod speċjali b’dawn il-viżti pastorali tiegħu.”

Meta wieħed jgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem bla ma rridu nibdew niftakru fil-memorji li dawn in-nies ikunu ħallew warajhom, u b’mod speċjali Fr Aaron jiftakar fil-viżta pastorali li kien għamel f’Marsaxlokk, meta hu wkoll kien involut fil-parroċċa ta’ Marsaxlokk, u jiddeskrivi li hu “ħalla impatt fil-qlub tan-nies u għalhekk li ngħid kien il-Kappillan ta’ Malta, għax hu l-polz tiegħu ma kienx li hu hemm fuq sempliċiment kemm imexxi u jara li kollox sew, imma xammar il-kmiem biex hu jħammeġ idejh, litteralment ma’ min għaddej minn tbatija, minn sofferenza.” Huwa jkompli jiddeskrivih bħala bniedem “karitattiv ħafna, kemm meta kien fil-pożizzjoni ta’ Arċisqof, u anke bħala Arċisqof Emeritu. Jiena għext miegħu fil-Kunvent tar-Rabat u rajt il-karità enormi li għamel ma’ ħafna nies fil-bżonn anke b’mod finanzjarju.”

Jirrakkonta wkoll kemm kien iqatta’ ljieli jaħdem it-Teżi u kien joqgħod ħdejh u juri interess f’liema kapitlu wasal u saħansitra kien anke jagħmillu l-kafè. Kien offrielu wkoll li l-magna tal-fotokopji joħodha mill-uffiċċju tiegħu għall-kamra tiegħu fejn kien jaħdem biex hekk Fr Aaron kien jevita u jiffranka milli joqgħod idur fil-kurituri twal li kellhom fil-kunvent. Dan għax “hu kien bniedem li jinteressah mill-ħajja tiegħek, anke meta kont immur narah, kien jistaqsini dwar il-kulleġġ San Albert, x’qegħdin nagħmlu u jinkoraġġini biex inkomplu naħdem, għax kien bniedem soċjali ħafna.”

Iddeskrivieh bħala “ġgant kbir tal-ordni f’Malta li ħalla impatt bil-kariżma Dumnikana. Xorob mill-viċin u b’mod qawwi minn San Duminku frott il-ħajja tat-talb tiegħu u r-riflessjoni. It-talba tar-Rużarju kienet important ħafna għalih tant li mhux l-ewwel darba li kont insibu għarkupptejh jitlob.”

Fr Norbert Bonavia mssp, li kien bħala ċerimonjier matul is-snin kemm dam Arċisqof, jgħid li hu kien “bniedem umli, iħobb u n-nies jiġu l-ewwel qabel kulħadd. In-nies kienu jaraw fih anke Qdusija, tant li n-nies kienu jridu anke jmissuh għax kienu jħossu li hemm xi ħaġa fih.”

Jirrakkonta dwar darba meta kien l-Erbgħa tal-Irmied u kien għadda għalih bil-karozza, ġiet mara tkellmu li kien waqaf ikellimha meta wrietu xi ħaġa u hu kompla magħha. Fl-istess ġurnata kien hemm raġel li beda jurih ktieb u l-Arċisqof qagħad ikellmu u niżel bilqiegħda ħdejh fuq it-taraġ, sakemm imbagħad rikbu u bdew isuqu u reġgħet tfaċċat din il-mara tkellmu u qalilhom li din kienet mara li kellha tifla bil-kanċer u hu qagħad kull darba jismagħha waqt li turih ir-ritratt tat-tifla tagħha. Dan jurina kif hu qagħad kull darba jikkunslaha għax in-nies jiġu l-ewwel għalih.

Hu jgħid li din kienet telfa kbira, imma jiftakar fl-umiltà tiegħu, tant li lanqas kien jilbes ilbies li kienu magħmula mid-deheb, anke “meta ommu tatu ċurkett tad-deheb, kien jippreferi jilbes ċurkett li kellu fih ix-xagħar ta’ San Ġorġ Preca u li għalih kien bħala relikwija.”

Dawn kienu ftit mix-xhieda u esperjenzi li xi nies qasmu magħna, li juru l-imħabba lejn l-Arċisqof Emeritu, iżda fuq kolox tispikka żgur l-imħabba li hu kellu lejn kulħadd, il-vulnerabbli, in-nies komuni, u kien jara żgur f’għajnejn kulħadd lil Kristu, u hu nnifsu kien xhieda ħajja ta’ kif wieħed għandu jgħix l-Evanġelju; li jagħti ħajtu għall-oħrajn u jipprova mqar b’kelma jtejjeb il-ħajja ta’ ħaddieħor.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport