Minn Cristian Muscat
Illum jitla’ s-siparju tal-BOV Kampjonat Premier għall-istaġun 2023/24 bl-ewwel partita tkun dik bejn Marsaxlokk v Naxxar Lions.
Iżda ċ-champions Hamrun Spartans jkunu nvoluti f’waħda mill-aqwa żewġ partiti ta’ dan il-programm fejn jibdew id-difiża tar- rebħ tat-titlu b’logħba diffiċli kontra Balzan.
Anke l-konfront bejn Birkirkara u Sliema Wanderers għandu jkun wieħed attraenti fejn il-Blues jirritornaw mal-kbar wara staġun fiċ-Challenge League.
Floriana v Valletta għandhom partiti delikati meta jaffrontaw lil Sta Lucia u lil Sirens rispettivament filwaqt li l-partita bejn Mosta u Gudja United għandha tkun waħda bilanċjata.
F’dan l-istaġun, kull punt jgħodd mitqlu deheb speċjalment għal dawk it-timijiet li se jinqabdu fiż-żona tar-relegazzjoni minħabba li din id-darba erba’ timijiet se jitilfu posthom mal-elite hekk kif mill-istaġun li ġej il-Premier League se jkun kompost minn 12-il team … u għaldaqstant jiġu promossi żewġ timijiet miċ-Challenge League.
Hamrun Spartans v Balzan – Din hija l-partita li l-aktar li tispikka fl-ewwel ġurnata ta’ dan l-istaġun.
Iż-żewġ timijiet irrappreżentaw lil pajjiżna fil- kompetizzjonijiet Ewropej fejn l-Ispartans, li bdew l-avventura tagħhom fil-UEFA Champions League, sfaw eliminati fil-play-offs tal- UEFA Conference League wara li kienu ħarġu telliefa b’aggregate ta’ 8-2 kontra Ferencvaros.
Min-naħa ta’ Balzan, dawn waqfu jilagħbu fit-tieni round tal-istess kompetizzjoni meta sfaw megħluba minn Neman Grodno, tal-Belarus, bl-aggregate ta’ 2-0.
Iżda ż-żewġ timijiet huma armati tajjeb ħafna u qed jitqiesu wkoll fost l-isfidanti għar-rebħ tat-titlu.
Gzira U. v Hibernians – Din il-partita hija meqjusa bħala waħda bilanċjata.
Filwaqt li l-Gżirjani diġá bdew jilagħbu partiti kompetittivi meta ħadu sehem fil-UEFA Conference League, Hibernians iridu jpattu għad-diżappunt tal-istaġun li għadda meta ma rnexxielhomx jikkwalifikaw meta kienu tilfu l-play-off kontra Balzan.
Il-Maroons diġá wrew il-potenzjal tagħhom meta dawn ħarġu mill-kompetizzjoni Ewropea fit-tielet round wara li tilfu bl-aggregate ta’ 6-1 kontra t-team qawwi mir-Repubblika Ċeka, Viktoria Plzen.
Dan huwa konfront dirett għan-naħa ta’ fuq tal-klassifika u għalaqstant telfa xejn ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet.
Marsaxlokk v Naxxar L. – Din il-partita tiftaħ l-istaġun hekk kif Marsaxlokk jaffrontaw lit-team pormoss ta’ Naxxar Lions li qed jagħmel ir-ritorn tiegħu fl-ogħla diviżjoni wara nuqqas ta’ sitt snin meta l-aħħar darba li lagħbu fil-Premier League kien nhar l-20 ta’ April, 2018, meta sellmu lill-ogħla diviżjoni b’rebħa ta’ 3-0 fuq Senglea Athletic.
Bla dubju, Marsaxlokk iridu jinsew id-diżappunt tal-istaġun li għadda meta spiċċaw fil-11-il post u kien lejn l-aħħar ġimgħat li aċċertaw ruħhom mis-salvazzjoni.
Birkirkara v Sliema W. – Din il-partita għandha tkun ferm interessanti bejn sfidant ewlieni għar-rebħ tat-titlu kontra team promoss.
Wieħed jawgura r-ritorn ta’ Sliema Wanderers fl-ogħla diviżjoni meta sa ftit snin ilu kienu jgawdu l-istatus ta’ wieħed mill-ġganti tal-football Malti liema club ipprodoċua patafjun ta’ players leġġendarji minbarra li jistgħu jiftaħru li, flimkien mar-rivali Floriana, rebħu l-aktar drabi l-Kampjonat … b’total ta’ 26.
Peró f’dawn l-aħħar huma għaddew minn sitwazzjonijiet diffiċli biex tilfu l-profil tagħhom fil-Premier.
Minkejja li Birkrikara ddiżapuntaw fl-Ewropa meta sfaw eliminati fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference kontra NK Maribor, bl-aggregate ta’ 3-2, huwa xorta waħda għandhom team qawwi u jidher li se jħabbtu liċ-champions Hamrun Spartans.
Sta Lucia v Floriana – Sta Lucia jridu jinsew id-diżappunt tal-istaġun li għadda meta temmew punt fuq iż- żona l-ħamra biex skappaw ir-relegazzjoni meta fir-Relegation/Promotion Play-Off għelbu lit-team taċ-Challenge League, Zejtun Corinthians, 2-0.
Din id-darba jridu jaħdmu aktar konxji mill-fatt li erba’ timijiet se jitilfu posthom.
Kien mistenni ħafna minn Floriana, fl-istaġun preċedenti, iżda temmew f’nofs il-klassifika, b’punti daqs ir-rivali eterni Valletta – 37.
Il-Greens għamlu bidla sinifikanti fl-istaff tekniku meta ħatru lil Mauro Camoranesi bħala coach.
Il-mistoqsija se tkun jekk dan il-coach Italo-Arġentin bl-esperjenza li għandu huwiex kapaċi jagħmel lil Floriana team kompetittiv.
Valletta v Sirens – Valletta jiltqgħu kontra Sirens hekk kif iż-żewġ timijiet jimmiraw li jkollhom staġun aħjar minn dak preċedenti, bil-Pawlini setgħu nqabdu fix-xibka tar-relegazzjoni meta spiċċaw fid-disa’ post tal-klassifika.
Peró, interessanti huwa l-fatt li f’dan is-sajf, Sirens iffirmaw xejn inqas minn disa’ players taċ-champions tal-Ghana, Medeama FC.
Fl-istorja tal-football Malti qatt ma ġara każ bħal dan u allura l-attenzjoni kollha se tkun fuq dawn il-players Afrikani.
L-aspettattivi ta’ Valletta huma għoljin immens wara d-diżappunt tal-istaġun li għadda u għaldaqstant bl-akkwisti validi li għamlu, jistgħu jinħakmu minn xi ftit tal-pressjoni.
Mosta v Gudja U. – Dan il-konfront se jkun ripetizzjoni tal-istaġun li għadda hekk kif iltaqgħu wkoll fl-ewwel ġurnata fejn dak in-nhar Gudja United kienu għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-1.
Iżda eventwalment Mosta temmew l-istaġun fir-raba’ post, flimkien ma’ Hibernians u Balzan, filwaqt li l-Gudjani temmew fl-10 pożizzjoni.
Dan huwa konfront meqjus bħala bilanċjat li jista’ jmur kull naħa.