Wednesday, July 24, 2024

Illum Malta tilgħab kontra r-Repubblika Ċeka f’partita ta’ ħbiberija

Aqra wkoll

Taħt ir-responsabbiltá tal-coach Taljan Michele Marcolini, it-team nazzjonali Malti, illum se jilgħab l-ewwel minn żewġ partiti ta’ ħbiberija hekk kif jinsab f’kamp ta’ taħriġ, fl-Awstrija, bħala parti mill-preparamenti għall-impenji tal- UEFA Nations League. 

L-avversarji se jkunu r-Repubblika Ċeka bil-konfront se jintlagħab f’Un­tersberg Arena, fil-belt ta’ Gro­dig. 

Marcolini qed jipprepara bis-sħiħ għall-impenji li għandu, bejn Settembru u Novembru, fejn se jaffronta lit-tliet timijiet ta’ tamparna, Andorra, Moldova u Liechtenstein f’League C tal-UEFA Nations League.

Fil-konferenza stampa li ġiet indirizzata proprju lbieraħ, huwa ta għarfien dwar it-tħejjijiet u l-menta­lità tat-team qabel din il-partita li qed iqisha bħala waħda importanti. 

Marcolini saħaq li din il-partita hija opportunità oħra biex jiġi evalwat il-progress tat-team. Huwa enfasizza r-riżultati pożittivi taż-żewġ partiti internazzjonali preċedenti – id-draws kontra s-Slovenja (2-2) u l-Belarus (0-0), u spjega li t-team analizza bir-reqqa dawn iż-żewġ wirjiet biex jiġu identifikati l-iżbalji u biex ma jiġux ripetuti. 

Huwa nnota wkoll li l-wirjiet tat-team kienu ferm pożittivi, li jirriflettu t-titjib gradwali u kostanti tagħhom. 

“Qed nimxu ‘l quddiem pass wara pass,” irrimarka Marcolini, li esprima sodisfazzjon għall-impenn u l-attitudni tal-players f’dawn l-aħħar tliet ġimgħat.

Il-coach irrikonoxxa l-isfidi li jġibu magħhom dawn il-partiti wara staġun twil. 

Bosta timijiet kienu qed jikkompetu b’ritmu sħiħ f’diversi kompetizzjonijiet, u dan il-perjodu kien partikolarment impenjattiv. Minkejja dawn l-isfidi, Marcolini huwa ffokat fuq il-kisba ta’ riżultat pożittivi kontra ċ-Ċeki, li jemmen li se jsaħħaħ il-fiduċja tat-team hekk kif iħejji ruħu għan-Nations League.

Il-player, Steven Pisani, tenna l-importanza ta’ din il-partita bħala parti mill-preparazzjoni tagħhom għall-kampanja tan-Nations League, f’Settembru. Pisani faħħar l-etika tax-xogħol tat-team matul il-perjodu ta’ taħriġ intensiv ta’ tliet ġimgħat, u enfasizza d-dedikazzjoni u l-fokus tagħhom.

Marcolini indirizza wkoll it-tħassib tal-iskwadra dwar l-injuries. Players ewlenin bħal Luke Montebello, Carlo Zammit Lonardelli, u Yannick Yankam se jkunu neqsin minħabba injuries. 

Barra minn hekk, Ferdinando Apap ġie skużat minħabba raġuni­jiet personali, deċiżjoni li ġiet miftiehma flimkien mal-coach.

B’ħarsa lejn il-partita tal-lum, Marcolini rrikonoxxa n-natura formidabbli tal-avversarji tagħhom. Iċ-Ċeki kkwalifikaw b’suċċess għall-Euro 2024, xhieda tal-kwalità u s-saħħa tagħhom. 

“Għandhom players ta’ kwalitá kbira, u nafu min aħna,” stqarr Marcolini. Minkejja l-isfida, jibqa’ kunfidenti li l-players tiegħu se jagħtu prestazzjoni pożittiva. 

Hekk kif Malta qed tipprepara għal din il-partita ta’ ħbiberija, l-enfasi tibqa’ fuq il-bini tal-momentum u l-kunfidenza, li tħejji t-triq għal kampanja ta’ suċċess fin-Nations Lea­gue.

Din il-logħba kontra r-Repubblika Ċeka tippreċedi dik ta’ nhar it-Tlieta li ġej, 11 ta’ Ġunju, kontra l-Ġreċja li se tintlagħab fl-istess stadium. 

Il-partita se tintwera diretta fuq TVMSport+ fil-5.30 pm. 

Ekonomija

Sport