Sunday, December 22, 2024

Illum Malta tilgħab kontra s-Slovenja f’partita ta’ ħbiberija

Aqra wkoll

Taħt it-tmexxija tal-coach Taljan, Michele Marcolini, it-team nazzjonali Malti, illum jibda l-ewwel impenn għas-sena 2024 b’logħba ta’ ħbiberija kontra s-Slovenja.

Din se tkun l-ewwel minn sensiela ta’ żewġ partiti ta’ ħbiberija bl-oħra tkun dik kontra l-Belarus, nhar it-  Tlieta li ġej.

Dawn iż-żewġ konfronti għandhom iservu ta’ preparazzjoni għall-UEFA Nations League, bl-avversarji jkunu Andorra u l-Moldova u għaldaqstant teżisti possibbiltá li nirbħu l-promoz­zjoni minn League C. 

Waqt konferenza stampa għal din il-partita, Marcolini enfasizza l-importanza li jiġi utilizzat il-perjodu ta’ taħriġ attwali biex jiġu integrati players ġodda fl-iskwadra b’mod effettiv … kif ukoll jinsab ħerqan li jesperimenta bi strateġiji ġodda.  

B’perjodu ta’ żmien limitat biss ta’ tlett ijiem għat-taħriġ u waqfa ta’ erba’ xhur mingħajr logħob, Marcolini faħħar lill-players għall-attitudni pożittiva u l-impenn tagħhom lejn il-proċess ta’ preparazzjoni.

Filwaqt li rrikonoxxa s- sinifikat tal-logħbiet li ġej­jin, b’mod partikolari meta fadal biss ħames logħ­biet qabel il-UEFA Nations Lea­gue, Marcolini enfasizza l-ħtieġa ta’ tħejjija bir-reqqa minkejja r-restrizzjonijiet li jiffaċċjaw il-coaches tat-team nazzjonali kollha. Huwa enfasizza l-approċċ metikoluż meħud minnu u t-team tiegħu, li b’diliġenza segwew 90-95% tal-logħbiet biex jevalwaw il-forma u l- prestazzjonijiet  tal-players.

Huwa ndirizza wkoll in-nuqqas ta’ Teddy Teuma u Jody Jones, fejn spjega li Teu­ma ma jinsabx parti mit-team minħabba injury, filwaqt li Jones tħalla barra mill-iskwadra minħabba ra­ġunijiet personali relatati mas-sitwazzjoni attwali tal- familja tiegħu hekk kif hu u s-sieħba tiegħu qed jistennew it-twelid tal-ewwel tarbija tagħhom.  

Marcolini enfasizza l-aspett uman tal-football professjonali, filwaqt li saħaq li filwaqt li huma professjonisti, huma wkoll individwi li jittrattaw sfidi personali.

L-attakkant, Luke Montebello, esprima l-kburija li jirrappreżenta lil pajjiżu u wassal l-eċċitament tiegħu għall-partiti li ġejjin. 

Huwa saħaq  li meta wie­ħed jissejjaħ għat-team nazzjonali huwa dejjem unur kbir u l-waqfa mid-dmirijiet tal-club titqies bħala opportunità aktar milli inkonvenjent.

Intant, l-avversarji tal-lum jinsabu fil-55 post fir- rankings tal-FIFA u għalhekk wieħed jantiċipa l-qaw­wa tagħhom. 

It-team huwa mmexxi mill-coach, Matjaz Kek, li għandu 62 sena u ilu f’din ir-responsabbiltá mill-2018.

Is-Sloveni huma wieħed mill-finalisti tal-Euro 2024 liema fażi finali se tintlagħab fil-Ġermanja, f’Ġunju li ġej. 

Huma rnexxielhom jikkwalifikaw minn Grupp H tar-round ta’ kwalifikazzjoni meta ġew klassifikati fit-tieni post. 

Huma spiċċaw b’punt daqs id-Danimarka kif ukoll b’differenza ta’ goals aħjar … iżda d-Daniżi ġew dikjarati rebbieħa tal-grupp minħabba l-konfronti diretti li spiċċaw b’rebħa ta’ 2-1 għad- Danimarka filwaqt li l-logħba l-oħra ntemmet fi draw ta’ 1-1.

Din se tkun it-tieni partita għas-Sloveni, f’din is-sena kalendarja meta, f’Jannar li għadda, għelbu lill-Istati Uniti bl-iskor ta’ 1-0. 

Min-naħa tal-Maltin, Marcolini sejjaħ skwadra ta’ 27 player, bil-midfielder ta’ Floriana, Carlo Zammit Lo­nardelli, jiġi msejjaħ għall-ewwel darba filwaqt li l-kollega tiegħu, id-difensur Dun­stan Vella, kif ukoll il-midfielder ta’ Balzan, Jan Busuttil, reġgħu sabu ruħ­hom fl-iskwadra wara li qed jimpressjonaw bil-prestaz­zjo­­nijiet tagħ­hom. 

Ekonomija

Sport