Sunday, December 22, 2024

Illum Malta v Irlanda – L-objettiv huwa riżultat ieħor pożittiv

Aqra wkoll

Illum Malta tilgħab it-tieni partita ta’ ħbiberija fi spazju ta’ tlett ijiem meta, fl-Istadium Nazzjonali tilgħba kontra l-Irlanda liema partita tibda fit-8.00 pm.

It-team immexxi mill-coach temporanju li kien qed jagħmel id-debutt tie­għu f’din il-kariga, Gilbert Agius, kellu wirja kbira kontra l-Greċja hekk kif temm fi draw ta’ 2-2.

Minkejja li l-Maltin kie­nu 1-0 minn taħt bil-gowl skorjat minn Anastasios Bakasetas, fit-tieni taqsima huma kienu trasformati biex dawru l-iskor favur tagħhom b’goal minn Jurgen Degab­riele u minn penalty mogħti minn Teddy Teuma.  

Kien biss lejn l-aħħar mumenti tal-partita li l-Griegi skorjaw il-goal tad-draw minn Taxiardis Fuonta.

Apparti dan ir-riżultat sodisfaċenti, il-prestazzjoni tal-Maltin kienet waħda pożittiva għall-aħħar hekk kif spiċċa dak iż-żmien li ninżlu niddefendu u ntajru l-blalen minn wara. 

Iżda l-players qed juru maturitá u logħob intel­liġenti li  jagħti gost u pja­ċir lill-partitarji Maltin minkejja li għandna l-limi­tazzjonijiet tagħna u ninsabu ferm ‘il bogħod mill-professjonaliżmu. Madankollu qed inkunu sfida denja għal kull avversarju biex saħansitra ksibna r-rispett ta’ kull avversarju.  

Intant, l-avversarji tal-lum huma l-Irlanda, li jinsabu rrankjat fid-49 post tal-FIFA.

It-team naqas li jikkwa­lifika għat-Tazza tad-Dinja 2022 u issa qed jipprepara għal-logħob ta’ kwalifikaz­zjoni tal-Kampjonat Ewro­pew 2024.

Il-coach tal-Irlanda huwa Stephen Kenny, Irlandiż ta’ 51 sena, li ilu jmexxi lit-team nazzjonali sa mis-sena 2020. Hu kien ħa post Mick McCar­thy li rriżenja mill-kariga eżatt kif bdiet il-pandemija tal-Covid-19. L-ewwel logħba ta’ Kenny kienet f’Settembru ta’ dik is-sena meta l-Irlanda spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra l-Bulgarija.

L-iktar tliet players rappreżentattivi tal-Irlanda hu­ma d-difensur ta’ Wigan James McClean, il-midfielder ta’ Reading Jeff Hendrick, u d-difensur ta’ Everton, Seamus Coleman.

It-team ġej minn telfa diżappuntanti ta’ 2-1 kontra n-Norveġja f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet f’Dublin.

Fir-rigward ta’ konfronti diretti, lgħabna seba’ dar­biet bl-Irlandiżi dejjem ħarġu rebbieħa

L-aħħar partita bejn iż-żewġ timijiet kienet dik tat-8 ta’ Settembru, 1999, fejn Malta kienet tat battikata lill-Irlanda għalkemm dawn tal-aħħar xorta rebħu 3-2.

L-iktar telfa li sofriet Malta seħħet fl-1983 meta f’Dublin, l-Irlandiżi kienu rebħu 8-0.

Il-coach Agius, li din hija l-aħħar logħba tiegħu qabel jinħatar is-suċċessur ta’ Devis Mangia, mistenni jagħmel xi tibdil fil-formaz­zjoni inizjali biex it-team Malti jkompli bil-preparazzjonijiet tiegħu għall-Euro 2024.

Ekonomija

Sport