Wednesday, December 25, 2024

“Illum rebħet l-imħabba fuq il-mibegħda… jeħtieġ nibnu u mhux inkissru”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-ewwel diskors tiegħu wara li ġie mħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li dawk li vvutawlu għażlu t-triq ’il quddiem, iżda kommess li jikkonvinċi lil dawk li vvutaw kontra.

“Illum rebħet l-imħabba fuq il-mibegħda. Il-verità fuq il-gideb. Dawk li vvutawli u silfuni l-fiduċja, jien se nsarraf din il-fiduċja f’deċiżjonijiet”, kompla Grech.

Grech qal li minn għada tibda ħidma li se twassal għall-elezzjonijiet f’Mejju tal-2024 u aktar ’il quddiem għall-elezzjoni ġenerali tal-2027.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-finanzi tal-partit iridu jkunu lura fis-sod wara għexieren ta’ snin u kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu biex dan iseħħ. Huwa sostna li l-kumpaniji kummerċjali tal-partit għandhom iħallu profitt u mhux jispiċċaw “jixorbu” mill-finanzi tal-partit.

Huwa sostna li trid issir ħidma biex filwaqt li jinstabu kandidati ġodda għall-elezzjonijiet rispettivi, dawk li ma jkunux ġew eletti, jinżammu fil-partit u jingħataw taħriġ.

Huwa qal li bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, se jkun qiegħed idur personalment lokalità lokalità biex jisma’ lin-nies. 

Grech temm jappella lill-attivisti fi ħdan il-partit biex “jibnu” u mhux “ikissru” u jaraw kif jistgħu jaħdmu ma’ kulħadd. Minkejja li dan il-kliem jista’ jiġi nterpretat bħala messaġġ ta’ kuraġġ, fl-aħħar sigħat komplew il-botti bejn l-istess Bernard Grech u l-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi wara li dan tal-aħħar ikkummenta dwar id-deċiżjoni tal-proxy f’ritratt li qasam minn Pariġi fejn qal li hu se jkun qiegħed jassisti “għal-logħba sabiħa inpersona”.

Ekonomija

Sport