Saturday, July 13, 2024

Illum se tkun ippreżentata l-liġi l-ġdida tal-OHSA fil-Parlament

Wegħda oħra li l-gvern għamel aktar kmieni din is-sena

Aqra wkoll

  • Liġi ġdida wara 20 sena
  • Ristrutturar fl-Awtorità
  • Infurzar tal-penali li jirriflettu ż-żminijiet tal-lum
  • Tribunal li se jnaqqas il-każi li jispiċċaw il-Qorti
  • Uffiċjal ġdid għal entitajiet b’riskju għoli (HSRO)
     
    Illejla fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, se jkun qiegħed jippreżenta liġi ġdida tal-OHSA; liġi li se tkun qed tibni fuq it-tajjeb li sar f’dawn l-aħħar 20 sena filwaqt li tindirizza r-realitajiet ġodda li qiegħed jiffaċċja pajjiżna.

Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jinsabu fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ dan il-Gvern u l-introduzzjoni ta’ din il-liġi hija waħda fost id-diversi inizjattivi li qed isiru biex jogħlew l-istandards mhux biss fis-settur tal-kostruzzjoni iżda wkoll f’setturi oħrajn.

Din il-liġi l-ġdida se tkun qed twassal fost l-oħrajn għal penali iktar b’saħħithom li verament se jkunu qed jaħdmu ta’ deterrent għal dawk li s’issa kienu għadhom qegħdin jabbużaw mis-salvagwardja tas-saħħa u s-Sigurtà fuq ix-xogħol. Din tinrabat b’mod dirett mal-ħidma li qed issir biex jiżdiedu r-riżorsi umani.

Il-Bord tad-diretturi se jkollu s-saħħa li mhux biss imexxi elementi ta’ Governanza imma wkoll jibqa’ għaddej b’konsultazzjoni ma’ stakeholders b’mod kontinwu. Bl-istess mod it-tmexxija tal-OHSA se jkollha s-saħħa li timplimenta mal-ewwel ir-riformi kollha li se joħorġu minn din il-liġi.

Bil-għan li jkun hemm proċess aktar effettiv u effiċjenti, din il-liġi se tkun qed tara wkoll li jiġi introdott tribunal u b’hekk jonqsu wkoll il-każijiet li jispiċċaw quddiem il-qorti.

L-OHSA se tkun qed tingħata wkoll iżjed saħħa biex f’każ ta’ ħtieġa ta’ tibdil t’emerġenza f’oqsma jew lantijiet tax-xogħol partikolari, tkun tista’ ddaħħal miżuri biex tipproteġi lill-ħaddiema f’sitwazzjonijiet partikolari bħal ngħidu aħna sitwazzjoni ta’ maltempati kbar li tista’ tpoġġi lill-ħaddiema f’periklu u riskju li jidħlu fi spejjeż żejda ngħidu aħna l-ħaddiema Għawdxin li jaqsmu lejn Malta fi żmien meta jkun imbassar jieqaf l-operat tal-vapur għal ġranet sħaħ.

Se jkun qiegħed jinħoloq ukoll rwol ġdid (HSRO). Dan l-uffiċjal għoli se jkun responsabbli għar-rappurtar dwar is-saħħa u s-sigurta fil-kumpaniji u fl-entitajiet li minn żmien għal żmien se jkunu identifikati li huma ta’ riskju għoli. Dan l-uffiċjal se jkollu l-kompitu li jissorvelja, jinvestiga u jekk il-kumpanija ma tiħux il-passi neċessarji, jirraporta lill-Awtorità.  

Permezz ta’ din il-liġi l-ġdida għalhekk, se jkunu qed jibqgħu jogħlew dejjem aktar l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-OHSA se tkun qed tingħata iżjed saħħa sabiex tkompli tilħaq l-objettiv tagħha u l-enfasi tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol mhux se tibqa’ biss fuq is-settur tal-kostruzzjoni iżda tkompli ttejjeb ukoll fuq setturi oħrajn.
F’kummenti lil L-ORIZZONT il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard iddeskrivieha din il-liġi bħala waħda li fuq kollox se tkun qiegħda tgħin biex f’pajjiżna titrawwem kultura ta’ responsabbilità.

Huwa żied jgħidilna li l-gvern kommess li jkompli jinvesti fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol biex ikun assigurat li din tkun f’pożizzjoni li tapplika bl-aqwa mod possibbli din il-liġi l-ġdida.

Fakkar li għaddej proċess biex il-ħaddiema fi ħdan l-Awtorità jirduppjaw u jkomplu jingħataw aktar taħriġ, anke b’kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżna, inkluż l-Universita’ ta’ Malta u l-MCAST.

“L-enfasi tibqa’ dik li nkomplu ngħollu l-istandards, bl-awtorità tibqa’ impenjata li tidentifika dawk l-oqsma li fihom hemm tendenza ta’ żieda fl-inċidenza biex inkunu nistgħu verament nilħqu l-objettiv tal-awtorità”, temm jgħid il-Ministru Attard.
 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport