Saturday, July 20, 2024

Il-Franċiżi jwarrbu l-lemin estrem għal darb’oħra

Aqra wkoll

Wara li taw lil-lemin estrem rebħa kbira fl-elezzjonijiet Ewropej u rebħa kbira oħra fl-ewwel rawnd ta’ l-elezzjoni parlamentari, l-Franċiżi reġgħu tkellmu fit-tieni rawnd tal-elezzjonijiet u wrew li bidlu l-opinjoni tagħħhom u ma jridux il-lemin estrem fil-poter.

Dan it-taqlib sorpriża fl-opinjoni tan-nies, li seħħ wara ftit jiem, il-lemin estrem tar-Rally Nazzjonali (RN) naqqas mill-appoġġ li kellu u spiċċa fit-tielet post – b’madwar 150 siġġu meta mqabbel ma’ tbassir ta’ ġimgħa ilu ta’ kważi 300 siġġu. Dan ir-riżultat huwa dovut kollu kemm hu għall-votanti li ħarġu bi ħġarhom biex iwaqqfu lil-lemin estrem milli jirbħu l-poter.

Ir-rebħa tax-xellug f’dan it-tieni rawnd ta’ elezzjoni inkisbet billi ffurmaw koalizzjoni ġdida kontra l-RN. Għal mument il-partiti differenti tax-xellug kollha f’daqqa waħda nsew id-differenzi li kienu jifirduhom u ngħaqdu lkoll fl-oppożizzjoni tagħhom għall-RN.

Minkejja dan, il-fatt jibqa’ li ħafna nies ma jridux il-lemin estrem jew għax jopponu l-ideat tiegħu jew għax jibżgħu mill-inkwiet li inevitabbilment jinqala kemm il-darba jirbħu l-poter.

Wara r-riżultat tal-ewwel rawnd, il-probabilita kienet li Jordan Bardella, li jmexxi l-RN flimkien ma Marine le Pen, kien se jkun il-Prim Ministru li jmiss tal-pajjiż. Iżda issa, wara l-votazzjoni ta’ nhar il-Ħadd, min se jkun il-prim ministru ta’ Franza?

Dan għadu mhux magħruf. U kuntrarju għall-konvenzjoni wara l-elezzjonijiet parlamentari Franċiżi preċedenti, jista jgħaddu ġimgħat qabel ma l-poplu jkollu tweġiba.

Kif qal Alain Duhamel, votant ta’ kull elezzjoni minn Charles de Gaulle ‘il hawn, “Illum m’għadx hemm partit dominanti. Minn meta Macron tela’ fil-poter seba’ snin ilu, konna f’perjodu ta’ dekostruzzjoni tal-forzi politiċi tagħna. Forsi issa qed nibdew perjodu ta’ rikostruzzjoni.”

Li ried ifisser hu li issa hemm għadd kbir ta’ forzi politiċi: tliet blokki ewlenin (xellug, lemin estrem u ċentru) flimkien maċ-ċentru-lemin. U fi ħdanhom dawn hemm tendenzi opposti u partiti li jikkompetu kontra xulxin.

Mingħajr l-ebda partit ma jirbaħ il-maġġoranza fl-Assemblea, issa huwa inevitabbli perjodu twil ta’ negozjar bil-għan li tifforma xi koalizzjoni ġdida miċ-ċentru-lemin sax-xellug. Madankollu, is-sitwazzjoni m’hijiex ovvja kif se tiġi iffurmata koalizzjomni minħabba l-battibekki reċiproċi li l-komponenti potenzjali differenti esprimew s’issa.

B’mod konvenjenti dan il-perjodu se jibqa għaddej matul l-Olimpjadi u l-vaganzi tas-sajf, li jippermetti lill-Franċiżi jirkupraw l-ispirtu tagħhom.

Sadanittant, hu mistenni li Macron jaħtar lil xi ħadd biex imexxi t-taħditiet u jilħaq lill-partijiet differenti. Iżda min se jkun dan? Se jkun xi ħadd mix-xellug? Se jkun xi ħadd miċ-ċentru? Se jkun politiku barrani?

Anke jekk Macron jirnexxielu jpoġġi ċentrista fil-kariga ta’ prim ministru dik il-persuna se jkollha teżerċita l-poter tagħha fuq il-bażi tal-appoġġ parlamentari.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport