Saturday, July 13, 2024

L-Awditur Ġenerali jgħid li ma sabx nuqqasijiet mill-eks Ministri Chris Fearne u Edward Scicluna

Ganado Advocates jikkonfermaw li fl-2015 taw pariri lill-Gvern u abbozzaw is-sejħa għall-offerti

Aqra wkoll

… b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara kkonferma fil-Qorti li minn investigazzjoni wiesgħa li għamel l-uffiċċju tiegħu ma nstabu ebda nuqqasijiet fil-mod ta’ kif aġixxew l-eks Ministri Chris Fearne u Edward Scicluna b’rabta mal-ftehim tal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Vitals u eventwalment Steward.

Huwa ddikjara dan waqt seduta oħra fil-kawża tal-Vitals u li fiha komplew jinstemgħu aktar xhieda. Meta mistoqsi dwar l-irwol tal-eks Ministru Scicluna, ix-xhud iddeskriva l-imġiba tiegħu u dik tal-eks Ministru Fearne bħala “impekkabbli” u insista li ma kellu ebda kummenti negattivi x’jagħmel dwarhom.

Intant, l-Awditur Ġenerali kkonferma wkoll li ma sab l-ebda illegalitajiet fil-konfront tas-Sur Joseph Rapa, anzi saħaq li huwa kien wieħed mill-aktar persuni li kkopera u għen tul l-investigazzjonijiet. Mistoqsi dwar Fearne, Rapa u t-tim ta’ esperti tagħhom, Deguara enfasizza li sabu “koperazzjoni b’saħħitha” mingħandhom meta l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kien qed iħejji r-rapport tiegħu.

Waqt il-kumpilazzjoni xehed ukoll Dr Antoine Cremona mid-ditta tal-avukati Ganado Advocates. Huwa ikkonferma li Ganado kien involuti fl-2015, kif ukoll qed jassistu lill-gvern fl-arbitraġġ internazzjonali kontra Steward.

Meta kien mistoqsi dwar l-involviment ta’ Ganado, ix-xhud qal li “l-ewwel darba li smajna b’dan l-proġett kien fil-5 ta’ Frar 2015 meta sar l-kuntatt ma’ Dr Stephen Attard minn Dr Aron Mifsud Bonnici. Il-kumpanija ma bagħqetx involuta minn wara l-24 ta’ Lulju tal-2015. Dr Mifsud Bonnici bagħtli preżentazzjoni dwar il-proġett u hemm stajt nifhem ahjar il-proġett u kkonfermajt li kien hemm bżonn ‘public service concession’. Fl-24 ta’ Frar tal-2015, tajt il-parir li joħroġ ‘tender’.”

Hu kompla jixhed li kien irċieva imejl b’żewg attachments, l-ewwel attachment kienet MoU ta’ Ottubru tal-2014 u it-tieni attachment kien parir ġenerali mhux iffirmat, iżda kien fuq letter head ta’ DF Advocates.

Xehed li Ganado talbu wkoll parir legali mingħand espert tal-public procurement li kien jifforma parti minn ditta legali Irlandiża. Dan biex jiġi vverifikat li dak il-parir li kienu qed jagħtu lill-gvern huwa korrett. Kompla jgħid li imbgħad l-espert legali Irlandiż ikkomunika ma’ Ganado Advocates u kkonferma li l-parir ta’ Ganado kien korrett f’dan ir-rigward. Malli l-parir tagħhom lill-gvern kien lest, Ganado komplew bit-tieni parti tal-inkarigu tagħhom u bdew jabbozzaw id-dokument tas-sejħa għall-offerti, li tlesta fis-27 ta’ Marzu 2015. Għat-tħejjija ta’ dan id-dokument kien hemm diversi konsulenti oħra tal-gvern li kkontribwew fuq dawk it-taqsimiet li ma kellhomx aspett legali.

L-Avukat Cremona qal li huma kienu wkoll kitbu partijiet sostanzjali mill-ftehim ta’ koncessjoni. Iċċara li ġew mitlubin jiktbu l-ewwel abbozz tal-kuntratt ta’ konċessjoni. Żied li kienu taħt pressjoni nterna biex ilestu l-ftehim minn konsulenti oħrajn, li ma kienux avukati. L-avukat Cremona qal li l-kumpanija ddeċidiet li toħrog draft intern u tgħaddieh lil l-avukat Aron Mifsud Bonnici. Huwa qali li wara l-24 ta’ Lulju 2015 qatt ma kienu aktar involuti fin-negozjati.

L-avukat Cremona ġie mistoqsi għala Ganado ma kienux irrispondew għat-talba mill-Awditur Ġenerali għall-kjarifiċi, iżda huwa ċaħad li dan kien il-każ u stqarr li saret iktar minn riċerka waħda fis-sistemi tal-email tagħhom u ma nstabet ebda komunikazzjoni mingħand l-Awditur Ġenerali.

Il-kawża se tkompli fl-10 ta’ Lulju.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport