Tuesday, November 26, 2024

Illum tintlagħab il-finali tal-UEFA Europa League

Aqra wkoll

Illum, fl-Aviva Stadum f’Dublin, tintlagħab il- finali tal-UEFA Europa League bejn it-Taljani, Atalanta, u l-Ġermaniżi, Bayer Leverku­sen, fejn dawn tal-aħħar jimmiraw li jkomplu bir-rekord ta’ imbattibbiltá meta s’issa ilhom 51 partita ma jiġu megħluba fil-kompetizzjonijiet kollha. 

Atalanta se jikkontestaw din il-finali wara li rebħu seba’ mill-aħħar disa’ logħbiet.

Din se tkun it-tielet darba li dawn iż-żewġ timijiet se jaffrontaw lil xulxin. 

Kien f’din il-kompetizzjoni meta kienu ltaqgħu, fl-istaġun 2021-22, fl-Aħħar 16. Fl-ewwel leg, Atalanta kienu rebħu bl-iskor ta’ 3-2, b’goals ta’ Ruslan Malinovskyi (23) u Luis Muriel (25, 49) filwaqt li Charles Aranguiz (11) u Moussa Diaby (63) skorjaw għal Leverkusen. 

Fit-tieni leg, Atalanta kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 biex għaddew għall-kwarti-finali, bl-uni­ku goal jiġi skorjat minn Jeremie Boga (1).

Biex waslu sal-finali, Atalanta reb­ħu Grupp D li kien jinkludi wkoll lil Sporting Lisbon (2), Sturm Graz (3) u Rakow Czestochowa (4). 

Fir-round tal-Aħħar 16 għelbu lil Sporting b’aggregate ta’ 3-2 (1-1, 2-1); lil Liverpool fil-kwarti-finali b’aggregate ta’ 3-1 (3-0, 0-1) u lil Marseille fis-semi-finali b’aggregate ta’ 4-1 (1-1, 3-0).

Il-Bergamaschi huma l-11-il team Taljan li laħaq finali kontinentali, u jistgħu isiru wkoll l-ewwel team tas-Serie A li qatt rebaħ il-UEFA Europa League.

Min-naħa l-oħra, Bayer Lever­ku­sen jibdew bħala favoriti, friski mill-fatt li saru l-ewwel team fil-Bundesliga li rebħu l-kampjonat mingħajr telfa.

It-team immexxi mill-coach Spanjol,  Xabi Alonso, għamel l-għeġubijiet ma’ dan it-team hekk kif fi 18-il xahar fir-responsabbiltá, kisser għal kollox il-monopolju ta’ Bayern Munich li rebħu l-Bundesliga għall-aħħar 11-il sena konsekuttivi. 

Aktar minn hekk, l-istaġun tagħ­hom ma jispiċċax illum hekk kif, nhar is-Sibt li ġej, se jikkontestaw il-finali tat-Tazza Ġermaniża kontra t-team ta’ Bundesliga 2, FC Kaiserslautern. 

Dan ifisser li dawn it-tmint ijiem kienu u huma ferm importanti għalihom minħabba li jistgħu jirreġistraw treble ta’ unuri.  

S’issa f’dan l-istaġun, huma skor­jaw xejn inqas 135 goal fil-kompetizzjonijiet kollha  filwaqt li sofrew 39 goals. 

Leverkusen qed ifittxu li jirbħu t-tieni trofew Ewropew wara li fl-1988 huma rebħu t-Tazza UEFA meta fil-finali għelbu lil Espanyol 3-2 bl-għoti tal-penalites wara li temmew fi draw ta’ 3-3.  

Biex waslu sal-finali huma reb­ħu Grupp H li kien jinkludi lil Qarabag (2), Molde (3) u BK Haken (4). 

Fir-round tal-Aħħar 16 għelbu lil Qarabag b’aggregate ta’ 5-4 (2-2, 3-2); lil West Ham fil-kwarti-finali b’aggregate ta’ 3-1 (2-0, 1-1) u lil Roma fis-semi-finali b’aggregate ta’ 4-2 (2-0, 2-2).

Jekk joħorġu rebbieħa, Leverku­sen jistgħu jsiru r-raba’ team li jirbaħ din il-kompetizzjoni mingħajr telfa.

Atalanta għandhom lil Marten de Roon u Sead Kolasinac neqsin minħabba li qed jirkupraw minn injury filwaqt li Leverkusen mistennija jkollhom l-aqwa skwadra possibli.

Sport