Illum, fil-belt ta’ Pireus, fil-Ġreċja, tintlagħab il-finali tal-UEFA Super Cup bejn iċ-champions Ewropej, Manchester City, u r-rebbieħa tal-Europa League, Sevilla.
Meta jkunu qed jilagħbu t-tieni ‘finali’ fi spazju ta’ ftit jiem, iċ-champions Ewropej, Manchester City, jimmiraw biex jevitaw id-diżappunt tal-Community Shield hekk kif illum jaffrontaw lir-rebbieħa tal-UEFA Europa League, Sevilla, għas-Super Cup Ewropea, liema partita se tintlagħab f’ Georgios Karaiskakis Stadium.
It-team immexxi minn Pep Guardiola se jikkontesta t-tieni unur kontinentali tiegħu … kontra team li matul is-snin iddomina t-tieni l-aqwa kompetizzjoni Eworpea.
Ir-rebbieħa tat-Treble, bdew l-istaġun fuq nota negattiva meta naqsu li jżidu unur ieħor fil-vetrina tagħhom meta f’Wembley raw lil Arsenal jirbħulhom il-Community Shield bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ 1-1.
Iżda malajr ġew f’tagħhom minħabba li fl-ewwel partita tal-kampjonat, marru għand Burnley u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-0, bil-’mostru’ Erling Haaland skorja doppjetta fejn kellu wkoll ikabbar it-total personali tal-goals.
Is-Citizens iridu jagħrfu kif se jinżlu għal din il-finali minħabba li fi tmiem il-ġimgħa li ġej, huma għandhom konfront diffiċli meta jospitaw lil Newcastle li ġejjin minn rebħa mpressjonanti ta’ 5-1 fuq Aston Villa.
Għaldaqstant il-partita tal-lum se tkun waħda delikata … kontra team li bidel il-coach tliet darbiet fl-istaġun li għadda.
L-aġġustament għall-ħajja taħt Julen Lopetegui kien ta’ sfida għal Sevilla biex imbagħad l-esperiment ta’ Jorge Sampaoli ma tantx irnexxa hekk kif, f’nofs Jannar, kienu qed jokkupaw id-19-il post fil-klassifika u jiġġieldu kontra r-relegazzjoni.
Madankollu, il-ħatra ta’ José Luis Mendilibar ġabet magħha stabbiltá kbira hekk kif il-coach ta’ 62 sena għaraf ipoġġi lit-team fid-direzzjoni l-ġusta bil-konsegwenza li spiċċaw fit-12-il post filwaqt li rnexxielu jkabbar ir-rekord tas-sitt rebħ tal-UEFA Europa League, meta fil-finali li ntlagħbet f’Budapest, għelbu lil Roma ta’ José Mourinho, bl-iskor ta’ 4-1 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ 1-1.
Barra minn hekk huma ħadu sehem ukoll f’sitt konfronti tas-Super Cup Ewropea fejn rebħu l-ewwel waħda kontra Barcelona, fl-2006, iżda mbagħad tilfu l-ħamsa l-oħra.
Huma jinżlu għal din il-logħba b’moral mhux daqstant għoli hekk kif ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra Valencia meta ngħata bidu għall-kampjonat Spanjol.
Dan se jkun il-ħames konfront Ewropew kontra Manchester City fejn dawn tal-aħħar rebħu l-erbgħa preċedenti u għaldaqstant l-Ispanjoli jinżlu għal tpattija sportiva.
Manchester City se jkunu mingħajr il-midfielder influwenti, Kevin De Bruyne, minħabba li sofra injury fil-hamstring fir-rebħa fuq Burnley, biex kellu jinbidel wara 23 minuta … l-istess injury li sofra fil-finali tal-UEFA Champions League.
Dan minbarra li Ruben Dias u Bernardo Silva jinsabu dubjużi minħabba li kienu ma jifilħux. Iżda mistenni jirritorna John Stones li rkupra minn uġieħ f’ġenbu.
Fid-difiża, il-Kroat Josko Gvardiol, mistenni jagħmlu id-debutt sħiħ tiegħu wara li ġie utilizzat bħala sostitut fil-logħba kontra Burnley.
Min-naħa ta’ Sevilla, għandhom lid-difensur ċentrali, Tanguy Nianzou, nieqes minħabba li qed jirkupra minn injury fil-hamstring filwaqt li Marcao għad irid jirritorna għat-taħriġ minħabba injury fil-pexxul.
Ir-referee se jkun il-Franċiż Francois Letexier.