Sunday, May 19, 2024

Illum tintlagħab il-Finalissima bejn l-Italja u l-Arġentina

Aqra wkoll

Ir-rebbieħa tal-Euro 2020, l-Italja, u r-rebbieħa tal-Copa America, l-Arġentina, se jiltaqgħu fil-Finalissima tal-2022, illum f’Wembley Stadium.

L-Italja għelbu lill-Ingilterra bil-penalties fis-sajf li għadda biex saru champions Ewropej, filwaqt li l-Arġentina rreġistraw rebħa ta’ 1-0 fuq il-Brażil fil-finali tal-Copa Ameri­ca.

L-Italja għelbu lill-Awstrija, lill-Belġju u lil Spanja fir-rounds tan-knockout tal-Kampjonat Ewropew tas-sajf li għadda qabel fil-finali għelbu lill-Ingilterra bl-iskor ta’ 3-2 bl-għoti tal-penalties wara draw ta’ 1-1.

It-trijonf ra lill-Azzurri jsiru cham­pions Ewropej għat-tieni darba biss fl-istorja tagħhom, iżda issa naqsu li jiksbu post fil-finali tal-aħħar żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja. Dan hekk kif naqsu milli jikkwalifikaw fl-2018 qabel ma ġew eliminati mill-kompetizzjoni ta’ din is-sena billi tilfu kontra l-Maċedonja fis-semi-finali tal-playoffs, f’Marzu li għadda, bl-iskor ta’ 1-0.

L-attenzjoni ta’ Roberto Mancini hija fuq il-finali tal-lum, iżda se jibdew ukoll il-kampanja tagħhom tal-UEFA Nations League,  proprju minn nhar is-Sibt li ġej, fejn se jilagħbu kontra l-Ġermanja darb­tejn, l-Ungerija u l-Ingilterra fi ftit jiem, qabel ma jerġgħu lura għall-azzjoni f’Settembru b’partita f’darhom kontra l-Ingilterra.

Giorgio Chiellini se jagħmel l-aħħar dehra tiegħu mal-Italja kontra l-Arġentina, bil-player ta’ 37 sena se jġib fi tmiemha karriera twila internazzjonali, iżda Mancini se jkun qed iħares lejn il-futur ukoll, b’numru ta’ players li għadhom iridu jagħmlu d-debutt tagħhom mal-iskwadra.

L-Italja tilfu kull partita mill-aħħar tlieta tagħhom kontra l-Arġentina, li kollha kienu ta’ ħbiberija, bl-aħħar laqgħa kompetittiva bejniethom tkun fit-Tazza tad-Dinja 1990, meta l-Arġentina rebħu 4-3 bil-penalties wara draw ta’ 1-1 fis-semi-finali tal-kompetizzjoni.

Intant, fis-sajf li għadda, l-Arġentina reb­ħu l-Copa Ameri­ca għall-ewwel darba mill-1993, meta għelbu lill-Brażil 1-0 permezz ta’ goal minn Angel Di Maria.

Huma għelbu lill-Ekwador u lill-Kolom­bja fil-kwarti-finali u s-semi-finali biex għaddew għall-finali, u kkwalifikaw ukoll għat-Tazza tad-Dinja 2022 permezz ta’ sen­siela ta’ logħbiet mingħajr telfa.

L-Arġentina spiċċaw fit-tieni post tat-Tazza tad-Dinja 2014 iżda sfaw eliminati fir-round tal-Aħħar 16, fl-2018, u huma se jkunu qed ifittxu li jirbħu din il-kompetizzjoni għat-tielet darba. 

It-team immexxi minn Lionel Scaloni ilu ma jkun  fl-azzjoni minn meta kisbu draw ta’ 1-1 kontra l-Ekwador f’partita ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja fl-aħħar ta’ Marzu, filwaqt li ilhom bla telfa fil-kompetizzjonijiet kollha minn Lulju 2019, u dan għandu jagħtihom fiduċja assoluta għall-konfront kontra l-Italja.

F’din il-Finalissima mhux se jkun jinħtieġ li jintlagaħb il-ħin barrani u għaldaqstant il-partita tmur mill-ewwel għall-għoti tal- penalties jekk tintemm fi draw fil-ħin normali. 

Sport