Fil-programm tat-tieni ġurnata tal-Fażi tal- Kampjonat tal-UEFA Champions League hemm bosta partiti interessanti iżda l- aktar waħda li tispikka hija dik bejn Arsenal u Paris St-Germain.
Arsenal v Paris SG – Minkejja l-qawwa tagħhom dawn huma żewġ timijiet li għadhom ma rebħux it-titlu ta’ din il-kompetizzjoni.
Illum huma meqjusa fost l-akbar timijiet fil-kontinent Ewropej u għaldaqstant illum l-attenzjoni se tkun fuq l-Emirates Stadium.
Filwaqt li l-Gunners bdew din l-avventura tagħhom bi draw ta’ mingħajr goals għand Atalanta, il-Pariġini kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq l-Ispanjoli ta’ Girona.
Arsenal ma jistgħux jinkludu li Martin Odegaard, u Oleksandr Zinchenko minħabba li qed jirkupraw minn injury filwaqt li l-goalkeeper, David Raya, huwa dubjuż.
Min-naħa tal-Franċiżi, il-players kollha jinsabu għad-dispożizzjoni.
Bayer Leverkusen v Milan – Wara riżultati kuntrastanti fl-ewwel ġurnata, Bayer Leverkusen jilqgħu lil Milan fil-BayArena.
Filwaqt li Leverkusen ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-0 għand Feyenoord, Milan sfaw megħluba f’darhom minn Liverpool bl-iskor ta’ 3-1.
Iżda minn din it-telfa, ir-Rossoneri bħal donnhom ittrasformaw lilhom infushom hekk kif fil-kampjonat domestiku għelbu lil Inter (2-1) u lil Venezia (4-0).
Fl-aħħar partita tagħhom li ntlagħbet barra minn darhom, Leverkusen irnexxielhom iżommu lil Bayern Munich fi draw ta’ 1-1, fil-Bundesliga.
Ir-Rossoneri għandhom lil Ismael Bennacer u Noah Okafor neqsin minħabba injury.
Slovan Bratislava v Man City – Manchester City jivvjaġġaw lejn is-Slovakkja għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom biex jiffaċċjaw lid-debuttanti taċ-Champions League, Slovan Bratislava.
Bħalissa, is-Citizens jinsabu fuq sensiela ta’ riżultati rari ta’ rebħiet hekk kif irreġistraw waħda biss fl-aħħar erba’ ħarġiet.
Dan minbarra li ċedew il-quċċata tal-Premier League Ingliż meta fl-aħħar żewġ partiti setgħu jispiċċaw fi draws kontra Arsenal (2-2) u Newcastle (1-1).
It-team immexxi mill- manager, Pep Guardiola, tilef is-servizzi ta’ wieħed mill-aktar players influwenti, Rodri, minħabba li l- istaġun għalih huwa mitmum wara li sofra l-injury fil-cruciate.
Inter v Red Star Belgrade – Wara draw ta’ mingħajr goals kontra Manchester City, Inter jimmiraw li jirreġistraw l-ewwel rebħa hekk kif jilqgħu lis-Serbi ta’ Red Star Belgrade li ġejjin minn telfa ta’ 2-1 f’darhom kontra Benfica.
Fuq il-karta, in-Nerazzurri jidhru favoriti iżda jridu jżommu l-konsistenza hekk kif fl-aħħar partita tal-kampjonat Taljan, ir-rebħa ta’ 3-2 fuq Udinese kienet se taħrabilhom minn idejhom.
Rebħa għalihom hija mperattiva biex ikunu fil-grupp ta’ timijiet ta’ fuq.
Huma se jkollhom barra lill-midfielder, Nicoló Barella, minħabba li jinsab imweġġa’.
Liverpool v Bologna – Wara li għelbu lil Milan, Liverpool jimmiraw li jiksbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta, f’Anfield, jilqgħu lid-debuttanti Bologna.
Bla dubju, bil-forma li għaddejjin biha r-Reds, jibdew favoriti iżda jridu juru rispett massimu lejn it-team Taljan … anke jekk bħalissa jinsab fit-13-il post tas-Serie A.
Għall-kuntrarju, Liverpool huma l-leaders assoluti tal-Premier League peró għadhom ma laħqux il-massimu tagħhom.
Minkejja li ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 għand Wolves fil-kampjonat domestiku, ġew esposti bosta nuqqasijiet.
L-uniku player imweġġa’ huwa Harvey Elliot.
RB Leipzig v Juventus – Juventus imorru l-Ġermanja biex jaffrontaw lil Leipzig b’dan għandu jirriżulta bħala konfront bilanċjat għalkemm il-Bianconeri jibdew kemmxejn favoriti.
Rebħa hija imperattiva għall-Ġermaniżi hekk kif fl-ewwel ġurnata barra minn darhom ġew megħluba minn Atletico Madrid bl-iskor ta’ 2-1.
Dan filwaqt li Juventus għelbu lill-Olandiżi ta’ PSV Eindhoven bl-iskor ta’ 3-1.
Il-Bianconeri bħal donnhom sabu l-forma din il-ġimgħa hekk kif kisbu rebħa ta’ 3-0 għand Genoa wara tliet draws konsekuttivi fil-kampjonat Taljan.
L-uniku player imweġġa’ huwa Timothy Weah.
Shakthar Donetsk v Atalanta – Dan għandu jkun konfront bilanċjat bejn żewġ timijiet tal-istess livell.
L-aħħar darba li ltaqgħu f’din il-kompetizzjoni kienet fl-istaġun 2019-20, biż-żewġ naħat jirbħu barra minn darhom, hekk kif Shakhtar rebħu 2-1 f’Bergamo filwaqt li Atalanta kienu ħarġu rebbieħa 3-0, f’Donetsk, l-Ukrajna.
Minn din ir-rebħa, jiġifieri minn Ottubru 2019, Shakhtar qatt ma għelbu team Taljan f’kompetizzjoni Ewropea minn tmien logħbiet fejn skorjaw goal wieħed biss.
Atalanta, il-holders tal- UEFA Europa League, balissa jinsabu fit-12-il post tas-Serie A u huma team differenti minn dak tal-istaġun li għadda.
It-tluq tal-midfielder Olandiz, Teun Koopmeiners ma’ Juventus ħalla mpatt negattiv fit-team immexxi mill-coach Gian Piero Gasperini.
Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli.
Aston Villa v Bayern M. – Aston Villa kontra Bayern Munich hija ripetizzjoni tal-finali tat-Tazza Ewropea tal-1982.
Bla dubju, il-Villans se joffru sfida diffiċli lil Bayern Munich, li fl-ewwel ġurnata rreġistraw l-akbar rebħa meta għelbu lil Dinamo Zagreb bl-iskor ta’ 9-2.
Peró, għal dan il-konfront huma se jkollhom lill-attakkant Ingliż, Harry Kane, nieqes wara li weġġa’ l-għaksa fil-partita ta’ nhar is-Sibt li għadda kontra Leverkusen.