Wednesday, October 9, 2024

Rekord ta’ kull żmien ta’ sitt leaders  differenti fl-ewwel sitt ġranet tas-Serie A

Aqra wkoll

L-imprevedibbiltà ta’ dan l-istaġun tas-Serie A tidher evidenti minn rekord straordinarju, hekk kif kien hemm sitt leaders differenti fl-ewwel sitt ġranet mill-ftuħ tal-istaġun.

Il-kampjonat Taljan kien faċilment l-aktar wieħed miftuħ f’dawn l-aħħar snin fost l-aqwa ħames diviżjonijiet Ewropej, b’erba’ timijiet differenti jirbħu t-tit­lu fl-aħħar ħames staġuni.

Madankollu, qiegħed isir bosta taqlib matul l-istaġun dan hekk kif ġie stabbilit rekord ġdid ta‘ kull żmien.

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-kampjonat, kien hemm sitt leaders differenti wara sitt logħbiet. Din hija xi ħaġa straordinarja fl-ogħla diviżjoni Taljana minħabba li f’dawn l-aħħar snin il-football kien meqjus bħala wieħed kemmxejn monotonu li kien ‘jintlagħab bejn erba’ timijiet’. 

Inkluża d-differenza ta’ goals għal timijiet separati f’livell ta’ punti, l-ewwel post kien qed jitgawda minn Atalanta, Juventus, Inter, Udinese, Torino u issa Napoli wara li nhar il-Ħadd li għadda, f’darhom, għelbu lil Monza bl-iskor ta’ 2-0. 

Din kienet l-ewwel darba fi 18-il xahar li l-Partenopei missew il-quċċata tas-Serie A minn meta Luciano Spalletti rebaħ l-Iscudetto f’Mejju tal-2023.

Issa, in-Naplitani huma mmexxija minn Antonio Conte li bil-bidliet li għamel ittrasforma lit-team biex qed jerġgħu jittamaw li jirrepetu s-suċċess ta’ sentejn ilu. 

Iż-żewġ goals fir-rebħa fuq Monza ġew skorjati minn Matteo Politano (22) u Khvicha Kvaratskhelia (33).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport